Il-poter li xhud involut f’reati kriminali li jingħata immunità biex jixhed kontra l-kompliċi tiegħu hu għodda importanti għall-prosekuturi.

M’għandux ikun iżda għodda politika u wisq anqas għandu jkun għodda f’idejn persuni potenzjalment implikati mix-xhieda li x-xhud ikun jista’ jagħti.

Il-bżonn li jitneħħa l-poter tal-amnestiji minn idejn il-Kabinett ma nħassx biss issa għall-ewwel darba għax irid jixhed Vince Muscat il-Koħħu b’mod li skontu jista’ jimplika Ministri tal-imgħoddi u Ministri llum fil-kariga.

Dan hi problema politika antika li laħqet l-agħar tagħha fil-lejl li fih kien arrestat għall-ewwel darba Keith Schembri u l-Kabinett kellu jiddeċiedi jagħtix maħfra lil min talabha biex jixhed kontrih.

Repubblika trid li din il-parti tal-Kostituzzjoni, antikwata u li tgħaffeġ dak li jinftihem f’demokrazija moderna b’separazzjoni tal-poteri, tinbidel. Aħna nistmerru l-idea li l-Kostituzzjoni tinbidel biċċa biċċa, imma l-gvern, aħna nemmnu li apposta, ilu jkaxkar 6 snin u jipposponi t-tant imwiegħda Konvenzjoni Kostituzzjonali. Ċar għalina li dan qed jgħamlu biex jibqa’ juża poteri li messu m’għandux biex jostakola l-ġustizzja u jipproteġi lill-kriminali fi ħdanu.

Aħnar partikolarment diżgustati nisimgħu r-rimarki li għamel illum il-Prim Ministru Robert Abela fiż-żmien meta nafu li hu u sħabu qed jintalbu mill-avukati ta’ xhud biex jikkunsidraw li jtuh l-immunità.

Hi l-fehma tagħna għalhekk li minnufih il-poter tad-deċiżjoni li tingħata immunità implikati f’reati biex jixhdu għall-Istat kontra l-kompliċi jew l-imgħallmin tagħhom jingħata esklussivament lill-prosekutur – l-Avukat Ġenerali – mingħajr ebda indħil politiku. Qabel jiddeċiedi, il-prosekutur għandu jikkonsulta lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-vittma jew vittmi tar-reat jew reati kkonċernati.

Id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali għandu tkun suġġetta għall-kunsiderazzjoni ta’ qorti f’appell li jkun jista’ jivverifika li l-immunità ngħatat fuq kriterji ċari fil-liġi.

Għandu jkun hemm provvidementi separati għal proċessi ġudizzjarji jew kważi-ġudizzjarji għal maħfriet li jingħataw għal raġunijiet ta’ ħniena li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-“maħfriet” li jingħataw biex xhud jinġiegħel jixhed għall-Istat.

Qed navżaw lill-gvern li fiċ-ċirkostanzi preżenti ħadd ma jista’ jafda li l-kabinett preżenti għandu l-kapaċità u r-rieda li jieħu deċiżjonijiet li effettivament huma ta’ natura ġudizzjarja b’serenità u imparzjalità. Meta wieħed minnhom, uffiċjalment mhux imsemmi, qed jaffronta l-possibilità li x-xhud jixhed kontrih dwar akkużi kriminali serji ħafna, deċiżjoni ġusta li tista’ tittieħed u wisq anqas tista’ tidher li tista’ tittieħed.

Jekk il-gvern jeżerċita dan il-poter skadut u anti-demokratiku li ttih il-Kostituzzjoni, ikun effettivament qed jabbuża. Ħadd minn dawk li qatt kitbu l-Kostituzzjoni u fdaw din ir-responsabbiltà lill-Ministri tal-gvern ma qatt basru li se jkollna Ministri huma stess implikati f’reati kriminali.