Wara s-seduta fil-Qorti lbieraħ, fil-kawża ta’ REPUBBLIKA kontra l-AVUKAT ĠENERALI dwar l-impunità lill-kriminali tal-Bank Pilatus, fejn fiha l-Qorti ordnat li l-kawża tinstema fil-miftuħ u mhux iktar bil-bibien magħluqa kif riedet l-Avukat Ġenerali, REPUBBLIKA tagħmel dawn l-osservazzjonijiet għall-konsum pubbliku:

  1. Kien f’Diċembru li għadda li l-AĠ irċeviet ittra mill-Arbitraġġ Internazzjonali f’Hong Kong li Ali Sadr Hasheminejad, is-sid tal-Bank, fetaħ kontra Malta.
  2. L-AĠ żammet din l-ittra moħbija sas-16 ta’ Marzu li għadda meta pprezentatha fil-Qorti.
  3. L-AĠ qalet li dik l-ittra kienet turi li Malta u l-Qorti huma marbuta li ma jsir xejn fil-pubbliku in konnessjoni ma’ Ali Sadr Hasheminejad u l-Bank.
  4. REPUBBLIKA dakinhar ta’ dik is-seduta, permezz tal-avukat tagħha, oġġezzjonat bis-saħħa u qalet li l-AĠ kienet qalet kelma b’oħra għax l-ittra tal-Arbitraġġ ma kinitx qed tgħid dak li qalet l-AĠ.
  5. Dakinhar tas-16 ta’ Marzu, il-partijiet argumentaw b’qilla. REPUBBLIKA riedet il-ftuħ. L-Istat ried il-ħabi.
  6. Ilbieraħ il-Qorti ddeċidiet. Iddeċidiet li l-AĠ ma kinitx qalet is-sewwa u li REPUBBLIKA kienet korretta.
  7. B’hekk ilbieraħ il-Qorti qalet hekk: “Illi minn din l-ittra jidher li qed issir kjarifika dwar kif, u minn min, għandha tingħata publiċita lill-eventwali deċiżjoni tat-tribunal (the award) f’l-arbitraġġ li għalih qed tirreferi. Din l-ittra pero la hija deċizjoni tat-tribunal ta’l-ICSID u lanqas ma tistax titqies bħala xi deċiżjoni li qed torbot lill-Qrati Maltin dwar kif għandha tirregola s-smiegħ fil-proċeduri odjerni.”
  8. REPUBBLIKA tinnota li l-AĠ trid tappella għax għadha trid il-ħabi. Trid tibqa’ tmeri s-sewwa magħruf.
  9. REPUBBLIKA sodisfatta li lbierah kisbet rebħa ta’ prinċipju importanti. Pass żgħir ieħor ‘il quddiem biex intom tkunu tafu l-verità dwar Bank li kien magna tal-ħasil tal-flus.
  10. Baqa’ ħafna passi x’isiru. It-triq hija twila. Għat-telgħa. Pero REPUBBLIKA ttenni li iktar ma tkun wieqfa t-telgħa ikbar ħa tkun id-determinazzjoni tagħha li tegħleb il-konġura ta’ interessi maħmuġin li ma jridukomx tkunu tafu l-verità.