Id-dmir tal-Ispeaker tal-Parlament huwa li jiddefendi liċ-ċittadini u mhux l-interessi tal-Gvern.

Repubblika tikkundanna d-deċiżjoni tal-Ispeaker Anġlu Farrugia li ma jikkundannax l-abbuż li 18-il minisru wettqu minn fondi pubbliċi minkejja li l-Kummissarju għall-Istandards sab li wettqu din l-imġieba mhix etika.

Għal darb’oħra l-Ispeaker Anġlu Farrugia reġa’ saħħaħ il-kultura tal-impunità fejn min hu b’saħħtu jabbuża u jsib min jipproteġih.

Dan l-aġir jikkontrasta ħafna ma’ dak li naraw f’Parlamenti li verament huma d-difiża tad-demokrazija u taċ-ċittadini mill-arroganza tal-minstri u l-prim ministri. Ftit jiem ilu rajna dan jiġri fil-Parlament tar-Renju Unit.

Sfortunatment, dan ma jiġrix f’Malta u l-prezz għal din l-imġieba anti-demokratika iħallsu l-poplu.

Quddiem dan kollu, Repubblika ttenni l-impenn tagħha favur is-saltna tad-dritt u favur Parlament li jkun l-għassies fuq l-imġieba tal-Gvern u mhux it-tapit li taħtu jinħeba l-ħmieġ kollu.