Konferenza stampa ta’ Dr Robert Aquilina – President, NGO Repubblika

28 ta’ Ġunju 2021 – Pjazza Kastilja, Valletta

L-aħbarijiet skandalużi u xokkanti li smajna bihom matul dawn l-aħħar snin, partikolarment minn Frar tal-2016 sallum, ħammġu isem pajjiżna mal-erbat irjieħ tad-dinja. Taw lil Malta fama li qatt qabel ma kellha.

Għal dawk ir-raġunijiet, dsatax-il xahar ilu għexieren ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin għal xahrejn sħaħ inżilna fit-toroq ta’ pajjiżna fi protesti kontinwi u keċċejna prim ministru korrott u gvern korrott. Kien dan li fetaħ il-bieb biex Robert Abela sar prim ministru.

Meta beda jberraq u sirna nafu li ċ-chief of staff ta’ Joseph Muscat u l-ministru Konrad Mizzi kienu fetħu strutturi sigrieti fil-Panama qalulna li jeħtieġ inħallu lill-istituzzjonijiet jaħdmu. Wara sirna nafu li l-istituzzjonijiet kienu fis-sodda mal-kriminali li kellhom jinvestigaw.

Meta persuni b’affinità kbira ma’ Kastilja qatlu ġurnalista, qalulna li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu. Wara sirna nafu li min kellu jinvesiga lill-qattliela kien biċċa waħda magħhom.

Fost dawk li dak iż-żmien kienu jgħidulna biex inħallu lill-istituzzjonijiet jaħdmu kien hemm Robert Abela. U hekk baqa’ jgħidilna wara li sar prim ministru. Hekk qalilna nhar l-Erbgħa li għadda waranofsinhar minn hawn ġew, meta l-Maltin u l-Għawdxin rċievew l-aħbar li pajjiżna kien falla it-test tal-Financial Action Task Force (FATF).

U jekk kellna bżonn prova ulterjuri ta’ kemm l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jalternaw bejn li jkunu iċċassati u li jidħlu kompliċi mal-ħażin, il-prova waslet fil-forma ta’ silenzju assolut għall-aħbar tal-grey listing innifisha minn istituzzjonijiet Maltin bħall-Bank Ċentrali u l-MFSA. Dawk li bil-liġi suppost huma awtonomi u għassiesa f’isimna u fl-interess tagħna ċ-ċittadini, għal darb’oħra baqgħu ċassi. Għal darb’oħra abdikaw mid-dover tagħhom u tradew lill-Poplu Malti u Għawdxi.

Iż-żmien tas-slogans fierħa spiċċa. Issa għandna r-realtà kerha quddiem għajnejna.

Ittamajna li pajjiżna ma jkunx umiljat b’dan il-mod, li x-xogħlijiet u l-benessere tal-Maltin u l-Għawdxin ma jitpoġġewx f’dan ir-riskju kbir. Iżda l-ħsara li Maltin bħalna għamlu lil pajjiżna minn ġewwa l-istituzzjoniet li fdajnilhom kienet kbira wisq.

Il-politiċi korrotti li ħammġu isem Malta għadhom s’issa jgawdu impunità sħiħa. Hemm min minnhom li saħansitra għadu membru tal-Parlament Malti u oħrajn li irriżenjaw bil-kumdità kollha. Pero’ kollha kemm huma għadhom moħħhom mistrieħ li l-id tal-ġustizzja mhix ser tilħaqhom. Saħansitra, dak li kellu jħares il-finanzi ta’ pajjiżna u minflok baqa’ iċċassat – jekk mhux addirittura daħal kompliċi – meta sħabu kienu qed jisirquna, ingħata l-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ pajjiżna ….. minn ħadd ħlief minn Robert Abela.

Kull meta l-gvern jagħti kenn politiku u istituzzjonali lill-politiċi kriminali u lil kriminali oħra, ikun qiegħed jikkundanna lilna ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin għal reputazzjoni internazzjonali ħażina u għal kwalità ta’ ħajja fqira. Ma jinterssanix aktar nismgħu lil Robert Abela jgħid kemm qed iħalli l-ġustizzja tieħu l-kors tagħha. Ir-riżultat tal-eżami wasal u fih hemm miktub li Robert Abela weħel mill-eżami u weħħel lil pajiżu miegħu.

Ma jinteressanix naraw aktar tentattivi patetiċi minn Robert Abela u minn sħabu biex jippruvaw ibellugħha lill-poplu li huma responsabbli biss ta’ dak li ġara minn Jannar tal-2020 ’il quddiem. Huma responsabbli kollettivament ta’ għemil il-gvernijiet ta’ Joseph Muscat, għax huma jew kienu parti intergrali minn dawk il-gvernijiet jew sostnewhom bla ebda riżerva bil-vot tagħhom fil-parlament u bid-diskors tagħhom fil-pubbliku waqt li kienu qed iwettqu l-oxxenitajiet. Huma ħatja daqs Joseph Muscat, daqs Konrad Mizzi, daqs Keith Schembri u daqs Edward Scicluna.

F’dan il-mument, aktar minn qatt qabel, jeħtieġ l-ewwelnett li ma ngħaddsux rasna fir-ramel. Kienu qed jippruvaw jidħku bin-nies Robert Abela u Clyde Caruana meta l-erbgħa li għadda minn hawn ġew qalulna li l-grey listing m’hu ser ikollu l-ebda effett negattiv fuqna. Bħal ma xejn ma jawgura tajjeb li Robert Abela u Clyde Caruana jippruvaw ibellugħa lill-Poplu Malti u Għawdxi li l-grey listing ta’ pajjiżna seħħ għaliex il-komunità internazzjonali ma kienitx fehmet x’kien qed jgħid u x’kien għamel il-gvern Malti. Anzi, ngħid li m’għaddejnix għax fehemu sew x’għamel il-gvern Malti. Ejjew ngħidu l-verità: PAJJIŻNA QIEGĦED FI KRIŻI.

It-tieni, jeħtieġ nirrikonoxxu li ma jistax ikun li nafdaw f’min wassalna għal din is-sitwazzjoni prekarja biex joħroġna minnha.

It-tielet, jeħtieġ li ngħarfu l-kawżi veri ta’ dan il-grey listing. Irridu bħala nazzjon nifhmu li l-ħażin imwettaq minn Maltin bħalna minn hawn ġew u minn istituzzjonijiet oħra ta’ pajjiżna kellu effett determinanti biex wasalna għal din il-qagħda kritika. Iva, il-korruzzjoni u l-kriminalità istituzzjonalizzata mhumiex sempliċement immorali, imma jfaqqruna fir-reputazzjoni u fil-kwalità tal-ħajja tagħna.

Aħna determinati li nagħtu sehemna biex pajjiżna joħroġ minn dan l-isqaq mudlam. Meta b’widnejna nismigħu barranin jgħidu li qatgħu qalbhom li pajjiżna għad xi darba taqbad it-triq it-tajba, aħna nkunu minn ta’ l-ewwel li nuru tama fil-ġejjieni u nuru d-determinazzjoni tagħna li nġibu bidla pożittiva f’dan il-pajjiż.

Dalgħodu, il-kontribut tagħna qed nagħtuh kemm bl-analiżi tagħna, kif ukoll billi nipproponu dak li fil-fehma tagħna hu mod tajjeb kif pajjiżna jista’ jaffronta din is-sitwazzjoni gravi u joħroġ minnha kemm jista’ jkun malajr u mibdul biex ikun jista’ jiżgura ġejjieni dinjituż u ta’ prosperità. Ma naħsbux li din neċessarjament hi l-unika triq ’il quddiem, iżda hi triq li nemmnu fiha.

Qegħdin nipproponu li l-forzi politiċi ta’ pajjiżna jwelldu GVERN TA’ SOLIDARJETÀ NAZZJONALI, li jkollu l-mandat pre-stabbilit li jwassal sabiex ikollna elezzjoniojiet ġenerali f’Ġunju tal-2022.

Dan il-gvern għandu jkollu fi ħdanu numru ta’ persuni tekniċi ta’ integrità u ħila rikonoxxuti b’mod wiesgħa. Biex isir dan, ikun jeħtieġ li deputati miż-żewġ naħat tal-kamra tad-deputati minn jeddhom iċedu s-siġġu tagħhom fil-parlament biex dawn it-tekniċi jkunu jistgħu jservu fil-kabinett tal-prim ministru magħżul biex imexxi l-gvern ta’ solidarjetà nazzjonali.

Il-missjoni tal-gvern ta’ solidarjetà nazzjonali jkun, qabel xejn, li fit-tnax-il xahar tat-terminu tiegħu jagħmel dawn ir-riformi u jieħu dawk il-passi li huma meħtieġa biex pajjiżna jitneħħa kemm jista’ ikun malajr mil-lista l-griża tal-pajjiżi tal-FATF.

Fost l-oħrajn, allura, ikun il-kompitu tal-gvern il-ġdid li jerġa’ jibni u jsaħħaħ iċ-checks and balances ta’ pajjiżna u jaddotta politika ta’ kontabilità u tħaddim tal-prinċipji tas-saltna tad-dritt u d-demokrazija. Kien possibbli li naslu s’hawn għaliex il-ftit checks and balances li kellna ġew żarmati u għaliex id-demokrazija tagħna matul is-snin ġiet fgata minn prattiċi tribali.

Ikun id-dover ukoll tal-gvern ta’ solidarjetà nazzjonali li jħejji t-triq biex l-elezzjonijiet tal-2022 iseħħu fi spirtu u b’mekkaniżmu tassew demokratiċi. Id-demokrazija ma tikkonsistix biss fl-eżerċizzju li nivvutaw darba kull ħames snin. Għalhekk huwa essenzjali, per eżempju, li f’dan iż-żmien ngħaddu minn proċess li jiggrantixxi li l-mezzi tax-xandir ma jibqgħux maħkuma mill-partiti politiċi u li minflok xandir tal-istat ikollna xandir ta’ servizz pubbliku.

Il-gvern li qed nipproponu jkollu l-mandat li jiżgura li l-Korp tal-Pulizija jkollu l-mezzi kollha u d-determinazzjoni meħtieġa biex mingħajr aktar dewmien iressaq quddiem il-ġustizzja persuni li kienu jew għadhom fil-politika u persuni oħra li assoċċjaw ruħhom magħhom u li gawdew u għadhom sallum igawdu minn impunità sħiħa.

Il-proposta tagħna ta’ gvern ta’ solidarjetà nazzjonali tinkludi wkoll ir-riżenja u s-sostituzzjoni tal-bordijiet tal-Bank Ċentrali, l-MFSA u l-FIAU. Min jinħatar flokhom – u f’xi każi jista’ jkun hemm konfermi – jirrapporta lill-gvern il-ġdid.

Dan hu l-mument tal-prova għalina l-Maltin u l-Għawdxin. Jekk ser nibqgħu naħsbu u nġibu ruħna kif għamilna s’issa, inkunu qed nikkundannaw lilna innifisna u lil uliedna għal futur mudlam. Nappellaw lill-politiċi tagħna biex almenu f’din is-sitwazzjoni jġibu ruħhom ta’ persuni integri u lejali lejn il-poplu li poġġihom fil-kariga tagħhom.