Il-Prim Ministru għandu jittratta l-Parlament kif jixraq lil demokrazija parlamentari u jwaqqaf azzjonijiet li jixirqu lil tirannija demokratika.

Repubblika tfakkar lill-Prim Ministru li hu u l-Gvern kollu għandhom ikunu kontabbli lejn ir-rappreżentanti li l-poplu Malti jagħżel b’mod demokratiku.

Wara l-istorja pubblikata f’The Shift li Dr Robert Abela ma jridx igħid kemm l-Uffiċju tal-Prim Ministru nefaq f’reklamar matul l-2017, minħabba l-ispejjeż biex tinġabar din l-informazzjoni, Repubblika tirramarka li:

  • Din hija skuża banali minn-naħa tal-Prim Ministru meta wieħed jikkonsidra li per eżempju fl-24 ta’ Marzu li għadda huwa nefaq mal-€15,000 fi press conference dwar l-għajnuna marbuta mal-COVID-19.  Hawnhekk ma ddejjaqx jonfoq €250 kull minuta!
  • Il-poplu għandu dritt ikun jaf kif u kemm il-Gvern qed jonfoq il-flus tat-taxxi tagħna.
  • Kemm nefaq f’reklami il-Prim Ministru Muscat, jekk l-ispiża biex tinġabar din l-informazzjoni hija daqshekk kbira?
  • Din l-informazzjoni mhux suppost tkun diġa migbura u kostantement disponibbli għall-Prim Ministru?
  • Kif il-Prim Ministru mhux kapaċi jagħti informazzjoni li hija saħansitra kkunsidrata bażika minn kull negozjant li jmexxi sew, u li jkollu din l-informazzjoni faċilment disponibbli?
  • Il-Prim Ministru Abela qed ifisser li aktar ma jkun hemm spejjeż, anqas għandu jkun jaf il-poplu Malti?
  • X’inhu dak li Dr Abela ma jridx li l-poplu jsir jaf?

Din is-sena il-Parlament Malti jagħlaq 100 sena.  L-imġieba tal-Prim Ministru tikkonferma li d-demokrazija parlamentari għandha bżonn tiżviluppa u tissaħħaħ.  Aħna lesti nagħtu l-kontribut tagħna.