Ir-rapporti fil-midja li Robert Abela ħawwad f’kuntratt ma’ allegat kriminal biex evada t-taxxa u ħasel flusu u flus ġejjin mill-kriminalità huma tassew tat-tħassib. Daqstant tat-tħassib li biex isalva ġildu Robert Abela qed jinnormalizza mġiebtu u jgħid li ma sar xejn ħażin. Daqstant tat-tħassib hu l-attentat ta’ Robert Abela li jintimida lill-ġurnalisti u jixlihom b’”konfoffa” f’intervisti li jfakkruna fl-aġir intimidatorju ta’ Joseph Muscat u niesu.

Ix-xbiha tal-prim ministru l-bieraħ, evidentement megħlub bl-emozzjoni u mingħajr kontroll tal-fakultajiet intelletwali tiegħu, jixli lill-ġurnalisti minflok iwieġeb mistoqsijiet t’importanza kbira ma sserraħ moħħ ħadd.

L-indikazzjonijiet li għandna huma li dak li nkixef dwar egħmil il-prim ministru fil-prattika legali tiegħu meta kien Deputat Parlamentari u avukat ta’ Joseph Muscat hu biss episodju wieħed minn karriera sħiħa ta’ taħwid u approfittar illeġittimu. Qed nisimgħu minn dawk li japoloġizzaw għal Robert Abela l-iskużi li “l-avukati kollha hekk”, u “min hu bil-għaqal ma jħallasx taxxa”, u “min ħexa mexa”. Għalina dawn m’huma skużi xejn, ma jgħidux il-verità u kieku stess mhumiex il-valuri li nixtiequ għal pajjiżna la mill-avukati u wisq anqas mill-prim ministri.

M’aħniex qed niskruplaw billi nesiġu minn kulħadd livell minimu t’etika, diċenza, lealtà lejn il-pajjiż bil-ħlas tat-taxxi dovuti, distanza mill-kriminali flok kompliċità konxja magħhom. M’aħniex qed nilgħabuha tal-qaddisin billi nesiġu imġieba etika u eżempju tajjeb minn min jippretendi li jkun prim ministru.

Meta naraw ir-reazzjoni bla kontroll tal-prim ministru l-bieraħ, nitħassbu nantiċipaw x’se tkun ir-reazzjoni tiegħu meta jkun hemm aktar rivelazzjonijiet dwar kif sar miljunarju f’anqas minn għoxrin sena jaħdem fid-ditta legali ċkejkna ta’ missieru. Minflok jamministra l-pajjiż, għat-tieni darba in fila għandna prim ministru li l-ewwel funzjoni tiegħu tidher li hi li jamministra r-reputazzjoni mherrijja tiegħu.

Iċ-ċittadini ta’ Malta għandhom kull dritt jippretendu aħjar minn min jippretendi li jiggvernahom u jgħidilhom x’inhu legali x’mhux u x’taxxi għandhom iħallsu u meta.

Repubblika, flimkien ma’ #occupyjustice u manueldelia.com se ttenni dan it-twemmin fil-velja li titlob verità u ġustizzja għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li ħadmet qatigħ biex tikxef imġieba mhux etika mill-amministratturi tal-pajjiż sal-ġurnata li qatluha minħabba xogħlha. Il-velja se ssir f’Misraħ l-Assedja l-Kbir, il-Belt Valletta, nhar l-Erbgħa 16 ta’ Frar 2022 fis-18:30.