Wara rapport li sar minn Repubblika, il-Kummissarju maħtur bil-liġi biex jinvestiga ksur ta’ standards ta’ mġiba etika minn ministri, membri parlamentari u persuni ta’ fiduċja, sab li l-ministru Abela nefaq dawn il-flus f’reklam li huwa “ċar li kien maħsub biex jimbotta d-dehra tiegħu” (“clearly intended to boost the image of Minister Carmelo Abela”).

Il-Kummissarju irrimarka wkoll li dan ir-reklam tal-Ministru Abela ma kellu l-ebda valur informattiv għall-pubbliku jew informazzjoni dwar ix-xogħol tal-Ministeru tiegħu.

Dan l-inċident jorbot ma inċidenti oħra fejn ministri abbużaw minn fondi pubbliċi biex jagħmlu reklami għalihom infushom.

Nistennew li l-Parlament Malti isegwi l-proċeduri adottati f’demokraziji serji u jordna lill-Ministru Abela biex jirrifondi l-flus pubbliċi li nefaq biex jagħmel reklam għalih nnifsu.

Repubblika tistenna wkoll li l-Gvern jagħmel regoli u linji gwida biex dan l-abbuż jinqata’ darba għal dejjem, partikolarment issa li qed toqrob l-elezzjoni ġenerali.