Hawn taħt, tistghu issibu id-diskors kif ukoll xi ritratti tal-President ta’ Repubblika Robert Aquilina waqt il-Konferenza Stampa li saret illum fit-15:30 quddiem il-Kwartieri Generali tal-Pulizija l-Furjana, il-31 ta’ Mejju, 2022.


Dr Robert Aquilina

President, Repubblika

31 ta’ Mejju 2022 – Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Floriana

Insellem lilkom il-ġurnalisti u lil kull min qed isegwina bl-internet.

Tlifna l-kont ta’ kemm-il darba ġejna hawn quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Ġejna hawn taħt it-tmexxija ta’ żewġ Prim Ministri, ta’ diversi Ministri tal-Intern, ta’ żewġ Kummissarji, ta’ Aġent Kummissarju u ta’ bosta Deputati Kummissarji u Assistenti Kummissarji. Kull wieħed u kull waħda minn dawn – fi żmienhom – qalulna li kollox kien miexi sew. Kollha qalulna nħalluhom jaħdmu fl-interess tal-ġustizzja u tal-poplu Malti.

Iżda, biż-żmien sirna nafu – jew aħjar, ikkonfermajna s-suspetti tagħna – li minflok dawn kienu qed jaħdmu għall-poplu, lill-poplu kienu qed jaħdmuh.

Agħar minn hekk, dak li sirna nafu mingħandkom il-ġurnalisti u minn xhieda fil-Qorti jiżboq bil-qabda s-suspetti tagħna: il-verità hi ferm iktar kerha minn dak li qatt stajna nimmaġinaw u nissuspettaw.

Saħansitra sirna nafu li d-Deputat Kummissarju kien jgħaddi ħinu jixxala ma’ min suppost kien qed ikun investigat dwar bosta reati, fosthom l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Sirna nafu li hawn ġew kien hawn pulizija bl-uniformi – uffiċjali għolja – li kienu qed jgħaddu informazzjoni sensittiva lill-kriminali.

Sirna nafu li provi dwar reati serjissimi … provi dwar reati ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus fost l-oħrajn … tħallew jakkumulaw it-trab fuq xi xkaffa jew issakkru f’xi kexxun u qatt ma ttieħdu passi fil-Qorti dwarhom.

Għalhekk, meta nħatru Angelo Gafà u Alexandra Mamo, l-istennija tagħna u tal-poplu kollu kienet li jagħmlu tindifa papali.

Xogħol Gafà u Mamo kien li jibdew jiġbru ġieħ ir-reputazzjoni tal-Korp tal-Pulizija u magħha r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Iżda, kif issa ilna nirrimarkaw u ngħidu, il-Kummissarju Angelo Gafà u l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo għadhom ma ġabu ebda riżultati fis-sentejn li ilhom isaħħnu s-siġġijiet tad-Depot u tal-FCID.

Aħna neżiġu kontabbiltà.

Għalhekk qegħdin hawn illum: biex neżiġu li minnufih il-Kummissarju Angelo Gafà u l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo jsejħu konferenza stampa li għaliha jkunu mistiedna l-ġurnalisti kollha u li dawn jingħataw il-ħin kollu meħtieġ biex jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom.

Ma jistax ikun iktar li Gafà u Mamo jibqgħu b’ħalqhom magħluq. Ma jistgħux jibqgħu jistaħbew wara l-iskuża li “qed issir investigazzjoni”. Nafu li dawn it-taparsi investigazzjonijiet huma intenzjonati biss biex itawlu u biex inessu.

Il-poplu Malti jixraqlu r-risposti u jixraqlu li jingħata rendikont dwar x’qed isir u x’mhux qed isir hawn ġew – fid-Depot – u fl-FCID. U dan ir-rendikont għandu jingħata immedjatament.

Neżiġu li Gafà u Mamo jagħtu rendikont, fost l-oħrajn dwar:

L-għaliex għal 7 snin sħaħ ma nħariġx mandat ta’ arrest internazzjonali fil-konfront ta’ Ryan Schembri … Għaliex il-kuġin ta’ Keith Schembri tħalla jaħrab minn pajjiżna, tħalla jdur minn pajjiż għall-ieħor u tħalla jaħrab il-ġustizzja? Min kien responsabbli ta’ dan in-nuqqas? Kemm se ddum l-investigazzjoni dwar dan il-każ? Mhux diffiċli wisq tkun taf min kien responsabbli. Ġie sospiż xi ħadd? Se jitressaq xi ħadd il-Qorti?

Qrajna nhar il-Ħadd li Iosif Galea tħalla jitlaq minn Malta minkejja li l-Pulizija Ġermaniża kienet ħarġet mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu. Għaliex dan il-mandat ma ġiex eżegwit hawn Malta? Għaliex lil Iosif Galea m’arrestawhx hawn f’pajjiżna? Għaliex lil Iosif Galea għenuh jaħrab il-ġustizzja? Għaliex minflok ġabruh ħallewh imur holiday mal-Prim Korrott Joseph Muscat u ma’ martu? Għaliex kellha tkun il-pulizija Taljana li tagħmel xogħol Gafà u Mamo? Anke f’dan il-każ, m’hemmx bżonn investigazzjoni twila biex naslu għall-verità. In-nies li kellhom ir-responsabbiltà jinfurzaw dan il-mandat tgħoddhom fuq id waħda. Li tgħid biss li qed tinvestiga hija biss skuża; huwa biss paraventu; huwa biss mod kif ma tweġibx u ma tkunx accountable lejn il-poplu li qed iħallaslek il-paga.

Irridu nkunu nafu x’sar minn investigazzjoni oħra li qalulna li qed jagħmlu u li ma smajna xejn aktar dwarha: dik tal-Eks Assistent Kummissarju Ian Abdilla. Anke f’dan il-każ, issospendew lil Abdilla u ma smajna xejn iktar. Kontabbiltà żero.

Irridu nkunu nafu wkoll xi rwol kellu l-Kummissarju tal-Pulizija fid-deal oxxen li sar bejn l-Avukat Ġenerali u Darren Debono magħruf bħala t-Topo. Infakkar lill-Kummissarju li t-Topo ffrankawlu 20 sena ħabs wara li ħa sehem f’serqa li fiha ġew sparati 65 tir lejn il-pulizija … lejn dawk li kull Kummissarju li kellna kien isejħilhom ‘uliedu’. Infakkar lill-Kummissarju Gafà li minn dan id-deal oxxen il-ġustizzja ma gawdiet xejn għax it-Topo qed jirrifjuta li jixhed. X’kienet u x’inhi llum il-pożizzjoni tal-Kummissarju dwar dan?

Irridu nkunu nafu x’sar minnhom il-mandati ta’ arrest internazzjonali fil-konfront tas-sid u d-diretturi tal-Bank Pilatus. Dawn għaliex għadhom qed jitħallew jaħarbu l-ġustizzja?

Irridu tweġibiet dwar l-għaliex għadhom ma ħadu l-ebda passi fil-Qorti kontra l-uffiċjali tal-pulizija li minn hawn ġew inqabdu jgħinu lill-kriminali. Qegħdin isiru l-investigazzjonijiet? Għaliex għadhom mhux konklużi?

X’sar mill-passi li kellhom jittieħdu kontra min tebba’ l-uniformi tal-Korp. Semmejt lil Silvio Valletta u lil Ian Abdilla. Insemmi wkoll lil Raymond Aquilina u lil Lawrence Cutajar. X’għandu xi jgħid il-Kummissarju Gafà dwar l-abbużi li wettqu?

Jew Gafà jippreferi ma jgħid xejn biex hawn ġew issaltan l-omertà?

Irridu tweġibiet għalfejn għadhom ma ħadu l-ebda passi fil-Qorti kontra min wettaq il-korruzzjoni li minħabba fiha ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia. X’qed jistennew il-pulizija?

Se jħallu 7 snin jgħaddu kif għamlu ma’ Ryan Schembri jew se jħallu 9 snin jgħaddu kif għamlu fil-każ kontra John Dalli?

Kull min isegwi l-aħbarijiet internazzjonali jara mexxejja tal-pulizija f’kull pajjiż tassew demokratiku jaffaċċjaw lill-ġurnalisti u jagħtu rendikont lill-poplu li jħallsihom il-pagi tagħhom.

Il-poplu Malti m’għandux jiġi stmat inqas miċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi. Aħna m’aħniex inferjuri. Gafà għandu jieqaf jistmana ta’ poplu inferjuri.

Il-Maltin u l-Għawdxin għadhom dritt li jingħataw rendikont minn dawn li suppost qed jamministraw il-ġustizzja f’isimhom. Gafà u Mamo ma jistgħux jibqgħu jċaħħdu lill-poplu tagħna minn dan id-dritt sagrosant.

Biex ħadd ma jġib iktar skużi banali – ngħidu minn issa li aħna nafu li ftit tas-snin ilu l-Gvern daħħal emenda fil-liġi li biha llimita l-mod li bih il-pulizija tista’ titkellem mal-ġurnalisti u tinforma lill-pubbliku dwar il-persuni li jkunu suspettati jew li jkunu qed jiġu investigati.

Mingħajr ma llum nidħol fil-mertu tal-ġenwinità ta’ dik l-emenda, irrid ngħid li dan il-paragrafu tal-liġi ma jżommx lill-pulizija milli jkunu accountable lejn il-pubbliku.

Mhuwiex minnu li l-liġi ma tħallix lill-Kummissarju jew lill-uffiċjali l-oħra tal-Korp milli jwieġbu l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti u jagħtu spjegazzjoni għall-azzjonijiet jew in-nuqqas ta’ azzjonijiet tagħhom.

Għalhekk, lill-Kummissarju Gafà ngħidlu jieqaf juża l-liġi u l-investigazzjonijiet finta bħala paraventu u jkollu l-kuraġġ jiffaċċja minnufih il-mistoqsijiet leġittimi tal-ġurnalisti Maltin.

B’sodisfazzjon ninnotaw li m’aħniex waħidna li qed nagħmlu din is-sejħa. Niġbdu l-attenzjoni ta’ Gafà u ta’ kulħadd li anke l-GRECO – l-Organizzazzjoni ta’ Pajjiżi Kontra l-Korruzzjoni – irrirmakat u irrakkomandat li l-Korp tal-Pulizija Malti għandu jikkomunika regolarment dwar ix-xogħol tiegħu, inkluż dwar każijiet kontroversjali li huma ta’ interess pubbliku.

Għalhekk, illum qed nitolbu lill-Kummissarju Gafà biex minnufih – bejn illum u għada – isejjaħ konferenza stampa u jpoġġi lilu nnifsu għall-iskrutinju tal-ġurnalisti.

Il-poplu Malti jixraqlu Korp tal-Pulizija kontabbli u trasparenti. Xejn inqas minn hekk mhu se jkun aċċettabbli għalina.

Biex demokrazija tiffunzjona mhuwiex biss importanti li jkollna l-ġurnalisti, imma huwa importanti wkoll li l-ġurnalisti jkollhom l-opportunità jagħmlu l-mistoqsijiet leġittimi tagħhom.

Biex pajjiżna jkun tassew demokrazija jeħtieġ li l-awtoritajiet jagħtu rendikont ta’ għemilhom lilna ċ-ċittadini.

Id-dritt tal-poplu li jkun infurmat huwa dritt sagrosant li aħna se niddefendu b’kull mezz.

Inwegħdukom li ser nagħmlu kulma nistgħu biex inkissru dan l-istatus quo antidemokratiku.