Ħadd ma jiskanta li l-Grupp tal-Pajjiżi Ewropej Kontra l-Korruzzjoni, il-GRECO, sab li minn 23 parir li ta lill-gvern ftit wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia, 21 ma ġewx implimentati.

Il-gvern injora pariri biex jagħti poteri lill-investigaturi biex jaqbdu lill-korrotti. Il-GRECO irrakkomandat proċeduri ta’ skrutinju fuq il-persons of trust u qalet li għandhom jonqsu. Il-GRECO tgħid li għandna bżonn regoli dwar il-lobbying u trasparenza dwar minn fejn l-uffiċċjali pubbliċi jaqilgħu flushom barra l-paga tal-gvern. Dan fost ħafna pariri oħra biex pajjiżna jiġġieled il-korruzzjoni taħt strateġija serja. Il-gvern m’għamel xejn minn dan.

Malta falliet eżami ieħor ta’ konformità mqar bażika ma’ normi internazzjonali ta’ mġieba korretta fil-ħajja pubblika. Dan minkejja li minn żmien għal żmien ministri jew eks-ministri tal-gvern jikkongratulaw lilhom innifishom pubblikament dwar dawk li huma jsejjħu riformi b’riżq is-saltna tad-dritt. Id-diskors vojt tar-risposti tagħhom lill-GRECO evidetentement ma ħalliex impressjoni tajba.

Pajjiżna hu mmexxi minn gvern korrott li jrid jippreserva sistemi korrotti ta’ stat korrott. L-istat ma ddejjaqx jaġixxi b’mod li wassal għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex jippreserva l-korruzzjoni. Aħseb u ara kemm l-istat se joqgħod jiddejjaq mill-GRECO.

Nesprimu frustrazzjoni li anke meta pajjiżna oħra jitimgħuna bl-imgħarfa biex jgħidulna x’għandna nagħmlu biex ma nibqgħux bejta tal-korruzzjoni, min imexxi pajjiżna jibqa’ jwebbes rasu u jagħżel minflok li jagħti r-riħ lill-korrotti fil-politika. Min imexxi pajjiżna ma jridx jiġġieled il-korruzzjoni. Dan ifisser biss li min imexxi pajjiżna hu korrott.

Intennu l-impenn tagħna li ninsistu li dan ma jibqax ikun. Sakemm f’Marzu 2023 Malta tirrapporta mill-ġdid xi progress għamlet lill-GRECO Malta għandha tkun għamlet progress sinifikattiv biex tiġġieled il-korruzzjoni. Nappellaw li l-gvern jinfetaħ għal konsultazzjonijiet effettivi mas-soċjetà ċivili biex nibdew bis-serjetà niġġieldu l-korruzzjoni.