Il-Kummissarju tal-Pulizija
Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija
Pjazza San Kalċidonju
Floriana FRN 1530

6 ta’ Mejju 2021

Sur Kummissarju,

Nirreferi għar-Rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fil-konfront tal-Ministru Carmelo Abela datat 17 ta’ Marzu tas-sena 2021 u li ġie reż pubbliku fit-18 ta’ April 2021. Mehmuż għandek issib kopja tal-imsemmi rapport.

Dan ir-rapport sar wara investigazzjoni ta’ diversi xhur li saret fuq talba ta’ Repubblika u li fiha lKummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ikkonkluda li l-Ministru Carmelo Abela għamel użu ħażin minn flejjes tal-Gvern għal vantaġġ privat tiegħu. Kif żgur taf il-Ministru Carmelo Abela huwa uffiċjal pubbliku.

M’għandux dubju wkoll li taf li l-liġijiet ta’ pajjiżna jipprovdu li huwa llegali li uffiċjal jew impjegat pubbliku jagħmel użu ħażin minn flejjes tal-Gvern illi jkunu ġew fdati lilu minħabba l-kariga jew impjieg tiegħu.

Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fil-konfront talMinistru Carmelo Abela, Repubblika qegħda formalment iġġib għall-attenzjoni tiegħek l-imsemmi rapport bil-għan li l-Korp tal-Pulizija jkun jista’ minnufih jipproċedi bl-investigazzjoni tiegħu u jieħu kwalunkwe azzjoni li fiċ-ċirkostanzi tirriżulta bħala meħtieġa.

Repubblika tibqa’ fi kwalunkwe ħin u ċirkostanza għad-disposizzjoni tal-Korp tal-Pulizija biex tipprovdi kwalunkwe informazzjoni li tista’ tkun meħtieġa f’dan ir-rigward.

Inselli għalik,

Dr Robert Aquilina
President