F’Jum l-Ambjent, Repubblika tħeġġeġ għal riflessjoni u azzjoni quddiem l-isfreġju ambjentali li għaddej f’pajjiżna fejn qed naraw id-degrad u l-qerda kemm tal-ambjent naturali kif ukoll dak urban.

Infakkru fid-dmir ewlieni tal-Gvern u tal-istituzzjonijiet li jħarsu l-ambjent. Hemm bżonn jieqfu il-kontradizzjonijiet tal-awtoritajiet f’dan il-qasam.

Xbajna naraw ministru iqassam iż-żerriegħa fil-waqt li ministru ieħor jeqred siġra wara l-oħra.

Xbajna naraw l-Awditur Ġenerali iqajjem dubju serju fuq il-legalità ta’ trasferiment ta’ art kbira f’Pembroke, art li hija tagħna lkoll, u issa l-Awtorità tal-Ippjanar qed taħseb biex nhar il-Ħamis li ġej tagħti permess biex jinbena mostru fuq l-istess art.

Xbajna naraw persuni imħallsa mit-taxxi tagħna lkoll igħajjru lil min jitkellem kontra l-qerda ambjentali li għaddejja. Nies bħal dawn ma jistħoqqilhomx jokkupaw karigi pubbliċi.

Xbajna naraw l-Awtorità tal-Ippjanar b’ponn tal-ħadid maż-żgħir fil-waqt li sservi magna tal-flus għal min hu b’saħħtu u ta’ ġewwa.

Xbajna naraw l-Awtorità għall-Ambjent siekta, bla vuċi u bla snien.

Dan kollu qed iwassal biex il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll tmur lura.

Aħna lkoll għandna d-dmir li nieqfu lil dan kollu.