L-ammissjoni tal-aħwa Degiorgio li huma poġġew u splodew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia huwa pass lejn il-ġustizzja u lejn il-verità.

Repubblika issostni l-ġustizzja issir biss meta kull min hu mċappas b’demm Daphne billi qabbad u ħallas lill-aħwa Degiorgio biex joqtlu lil Daphne, kull min kien jaf x’inhu għaddej u m’għamel xejn, kull min għamel minn kollox biex jinħbew il-fatti u kull min ħadem biex ifixkel l-investigazzjonijiet jirrispondi ta’ għemilu u jġorr il-konsegwenzi ta’ dak li għamel jew dak li naqas li jagħmel.

F’dawn il-mumenti, qalbna mal-familja ta’ Daphne u nuru l-gratitudni tagħna lejhom kemm għas-sagrifiċċji tagħhom kif ukoll għall-eżempju li tawna fl-impenn  għall-verita’ u l-ġustizzja. Niftakru fl-allegazzjonijiet kalunjużi ta’ uħud li pruvaw jimplikaw lill-membri ta’ din il-familja f’dan il-qtil.  Illum, dawn imisshom jitolbuhom apoloġija.

Aħna napprezzaw il-ħidma tal-Prosekutur u t-tim tiegħu, tal-investigaturi, u tal-maġistrati u l-imħallef li ħadmu f’dan il-każ.

Illejla, Repubblika ttenni l-impenn tagħħa u nerġgħu nwiegħdu li mhux se nieqfu qabel issir ġustizzja sħiħa u toħroġ il-verità kollha.

Nistiednu lil kulħadd biex nhar il-Ħadd li ġej fis-6.30 pm jingħaqad magħna fil-marċ ta’ protesta fil-Belt Valletta.