Repubblika tirringrazzja lil George Hyzler għall-ħidma tiegħu bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u tawguralu suċċess fil-proċess t’għażla għan-nomina li saritlu għal ħatra ġdida oħra.

Repubblika tawgura li l-proċess tal-għażla ta’ min se jeħodlu postu ikun tassew eżerċizzju trasparenti u li jwassal għall-kontabilità fil-ħajja pubblika.

Hu għalhekk li jidhrilna li bħal ma jiġri f’parlamenti oħra din il-ħatra ma ssirx wara bibien magħluqa, b’xi ftehim bejn il-politiċi weħidhom dwar min iridu bħala Kummissarju. Dan il-Kummisarju huwa istituzzjoni meħtieġa biex tgħasses fuqhom u taġixxi b’mod indipendenti minnhom.

Nirreferu għall-mudell tal-House of Commons tar-Renju Unit bħala eżempju possibbli ta’ kif għandha ssir din il-ħatra:

Issir sejħa pubblika biex timtela’ din il-pożizzjoni li tkun miftuħa għal persuni li għandhom esperjenza f’oqsma bħall-promozzjoni u ż-żamma tal-istandards per eżempju standards f’xi qasam professjonali, il-protezzjoni ta’ nies vulnerabbli partikolarment mill-abbuż tal-poter, u l-promozzjoni ta’ emanċipazzjoni u liberazzjoni ta’ persuni vulnerabbli.

Il-persuni tenuti eliġibbli jiġu intervistati minn Kumitat tal-Għażla immexxi minn żewġ deputati minn kull naħa tal-kamra, persuna esperta fir-riżorsi umani mqabbda minn barra l-Parlament u l-Iskrivan tal-Kamra li jippresiedi l-proċess.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Għażla jingħataw lill-Ispeaker li jippreżentahom lill-Kamra biex tkun formalizzata l-ħatra tal-persuna magħżula.

Il-Kummissarju jinħatar għal 5 snin fuq bażi full-time u ma jkunx jista’ jerġa’ jinħatar.

Wara d-deċiżjonijiet ħżiena li ħa l-Kumitat dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika fil-Parlament li għadu kemm spiċċa, inqisu li hu kruċjali li tinbidel il-kompożizzjoni tal-Kumitat biex tispiċċa l-perċezzjoni ġustifikata li l-politiċi jgħattu ‘l dawk minn sħabhom li jinstabu ħatja ta’ mġieba mhux etika.

Mill-ġdid nirrakkomandaw il-kunsiderazzjoni tal-mudell tal-House of Commons tar-Renju Unit fejn il-Kumitat dwar l-Istandards ikun magħmul nofsu minn numru ugwali ta’ Deputati miż-żewġ naħat tal-kamra u n-nofs l-ieħor persuni indipendenti u minn barra l-Parlament, maħtura wara sejħa pubblika u magħżula mill-Kumitat tal-Għażla indikat hawn fuq biex jikkumplimentaw it-talenti professjonali tal-Kummissarju. Il-Kumitat dwar l-Istandards ikun ippresedut minn membru lajk magħżul minnhom u minn fosthom.

Nappellaw biex qabel jibda l-Parlament il-ġdid, il-Gvern jibda immedjatament proċess ġenwin ta’ konsultazzjoni pubblika bl-involviment tas-soċjetà ċivili biex tibda titwettaq il-wegħda li għamel il-Gvern li jibda paġna ta’ trasparenza u kontabilità fil-ħajja pubblika.

Repubblika ttenni l-appoġġ tagħha għal dan l-impenn u ġġedded l-impenn tagħha li tipparteċipa f’kull sforz li jsir biex tittejjeb l-etika fil-governanza ta’ pajjiżna.