Repubblika hi mħassba ħafna b’rapporti li jgħidu li l-gvern qed jippjana li jibdel il-liġi biex ikun jista’ jagħżel waħdu min ikun Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Jekk jiġri hekk il-gvern ikun qed iċekken id-demokrazija. Il-liġi llum trid qbil bejn il-partiti tal-Parlament biex min jgħasses l-imġieba tal-Parlamentari jkollu l-fiduċja ta’ kulħadd. Issa l-gvern irid li min jgħasses l-imġieba tal-Parlamentari jkollu l-fiduċja tiegħu biss.

Id-demokrazija mhix il-materjalizzazzjoni tax-xewqat ta’ Robert Abela. Id-demokrazija hi sistema ta’ regoli li mhux biss jagħtu lill-maġġoranza il-poter li tiggverna imma jagħtu lill-minoranza d-dmir u d-dritt li tgħasses fuq il-gvern.

Il-Kummissarju dwar l-Istandards hu uffiċjal tal-Parlament u mhux uffiċjal tal-gvern. Il-proposta ta’ Robert Abela li jaħtar lil min suppost jgħasses fuqu qisu kien xi person of trust fis-segretarjat tiegħu mhix aċċettabbli u tkisser il-fiduċja li jista’ jkollu kulħadd fl-istituzzjonijiet li suppost ikunu indipendenti mill-gvern biex jgħassu lill-gvern.

Inħeġġu lill-gvern biex ma jimponix din il-miżura anti-demokratika u nħeġġu lill-Parlament ifittex li jsib qbil dwar persuna idonea għall-pożizzjoni ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li jafdaw iż-żewġ naħat mingħajr aktar dewmien.