Repubblika issejjaħ lill-gvern Malti biex jikkomunika mal-awtoritajiet tar-Renju Unit biex titwaqqaf l-estradizzjoni ta’ Julian Assange lejn l-Istati Uniti.

Id-deċiżjoni tal-gvern tar-Renju Unit għall-estradizzjoni ta’ Julian Assange hi attakk fuq il-libertà tal-espressjoni u fuq id-dritt taċ-ċittadini tad-dinja li jkunu infurmati dwar reati tal-gwerra u atti kriminali mwettqa mill-istati spiss f’isem id-demokrazija u l-libertà.

Julian Assange ilu mċaħħad mil-libertà tiegħu għal 12-il sena għax, ma’ kollaboraturi u ġurnalisti minn madwar id-dinja, ippubblika u ppermetta l-istħarriġ ta’ dokumenti sigrieti li kien fl-interess pubbliku li jsiru magħrufa, għax sarrfu fi provi ta’ reati serji u atti kriminali gravi.

Fl-Istati Uniti, Assange qed jissogra piena ta’ ħabs għal 175 sena, għomru mċaħħad mil- libertà għax ippubblika dokumenti t’interess pubbliku.

L-estradizzjoni ta’ Julian Assange tfisser preċedent perikoluż u mġieba mhux xierqa għal pajjiż li jsejjaħ lilu nnifsu demokratiku.

Repubblika titlob lill-gvern Malti jikkomunika dan il-ħsieb lill-gvern tar-Renju Unit b’urġenza.