Repubblika hi ddiżappuntata li l-gvern qed jitlef l-opportunità li jiftaħ għal konsultazzjoni wiesgħa riformi biex jipproteġi l-ġurnaliżmu ħieles f’pajjiżna. Jekk il-gvern veru jrid, kif qed jgħid li jrid, li l-ġurnaliżmu ħieles jixraqlu r-rispett bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija, m’għandu jkun hemm ebda diffikultà li l-ġurnalisti stess u l-pubbliku kollu jingħataw iċ-ċans jieħdu sehem fit-tfassil ta’ liġijiet suppost maħsuba biex jipproteġu l-interessi tagħhom.

Kien ċar mill-abbozz ippubblikat mill-gvern illum li l-gvern ma tax kas pariri siewja li ngħata għal riforma li tkun tassew effettiva u li tassigurana li f’pajjiżna ma jkollniex iċ-ċirkostanzi li ppermettew li tinqatel Daphne Caruana Galizia.

Aħna għadna nittamaw li l-gvern hu ġenwinament miftuħ għal riformi li jilħqu l-oġġettiv li jħallu l-ġurnaliżmu jkun ħieles f’Malta u ntennu għalhekk l-appell tagħna għal konsultazzjoni miftuħa qabel dawn l-abbozzi jmorru l-Parlament.