Repubblika, #occupyjustice u manueldelia.com itennu l-impenn tagħhom li jżommu ħajja l-protesta kontra l-inġustizzja li sofrew Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha meta nqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017. Intennu l-impenn tagħna li ninsistu li ssir magħrufa l-verità kollha u li ssir ġustizzja ma’ min qatilha u ma’ min bl-aġir tiegħu jew bin-nuqqas fi dmirijietu ippermetta li tinqatel.

Dawn huma l-avvenimenti maħsuba biex jimmarkaw dan l-anniversarju.

Mis-Sibt, 8 ta’ Ottubru 2022

Wirja ‘Daphne Eroj Maltija’ f’Bieb il-Belt Valletta.

Ser tissejjaħ konferenza tal-aħbarijiet fl-inawgurazzjoni tal-wirja. Ħin jitħabbar aktar tard.

L-Erbgħa, 12 ta’ Ottubru 2022

18:00   Jitnieda dokumentarju ġdid ‘Daphne Eroj Maltija’. Fil-Valletta Campus Theatre, Triq San Kristofru, il-Belt Valletta.

Rappreżentanti tal-midja li jixtiequ jattendu huma mitluba jinfurmawna b’imejl lil repubblika.events@nullgmail.com. Id-dokumentarju se jkun disponibbli għall-midja mill-15 ta’ Ottubru 2022 ‘il quddiem u jista’ jkun inkluż fl-intier tiegħu fuq il-mezzi medjatiċi li jixtiequ jxandruh.

Il-Ġimgħa, 14 ta’ Ottubru 2022

10:00   Attività għaż-żgħażagħ ma’ REA, JCB, u Sam Christie. Jippreżenta Peppi Azzopardi. Fit-teatru tal-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, Triq Emanuel Vitale, ir-Rabat.

Ikun hemm limitazzjonijiet fuq ix-xandir tal-wirjiet mużikali. Il-midja hi mfakkra li ritratti u filmati m’għandhomx iħallu minuri preżenti għall-attività jkunu identifikabbli.

Is-Sibt, 15 ta’ Ottubru 2022

09:30   ‘M’hemmx Ġustizzja Mingħajr Integrità’: Seminar organizzat flimkien mal-Fondazione Giovanni Falcone dwar l-isfida li l-istituzzjonijiet pubbliċi jħaddmu qafas ta’ regoli li jrawmu kondotta tajba u li jiżguraw li l-integrità tal-uffiċjali pubbliċi ma tittappanx bid-dubju. Is-seminar jiġbor flimkien akkademiċi, ġurnalisti, u professjonisti biex jiddiskutu din it-tema. Imexxi George Vital Zammit. Is-Seminar se jitlaqqa’ fl-Aula Prima tal-Valletta Campus tal-Università ta’ Malta.

Rappreżentanti tal-midja li jixtiequ jattendu huma mitluba jinfurmawna b’imejl lil repubblika.events@nullgmail.com.

18:30    Taħdita ma’ Carole Cadwalladr, awtriċi u ġurnalista investigatur mir-Renju Unit, magħrufa fost l-oħrajn għax-xogħol tagħha dwar l-iskandlu Facebook-Cambridge Analytica. Fil-Valletta Campus Theatre, Triq San Kristofru, il-Belt Valletta.

Rappreżentanti tal-midja li jixtiequ jattendu huma mitluba jinfurmawna b’imejl lil repubblika.events@nullgmail.com.

Il-Ħadd, 16 ta’ Ottubru 2022

09:30   Quddiesa b’suffraġju għal Daphne Caruana Galizia ċċelebrata mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Fil-knisja tal-Bidnija, il-Mosta.

Mhux permess jittieħdu filmati jew ritratti fil-knisja.

15:00   Laqgħa silenzjuża b’tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia fi Triq il-Bidnija, il-Mosta.

18:30   Dimostrazzjoni b’sejħa għall-Ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Tibda quddiem il-bini tal-Parlament.

19:30   Velja b’sejħa għall-Ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia fi Pjazza tal-Assedju l-Kbir, il-Belt Valletta. Tieħu sehem fost oħrajn il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

It-Tnejn, 17 ta’ Ottubru 2022

17:30   Inawgurazzjoni ta’ murales b’tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia mill-Kunsill tal-Istudenti Universitarji f’Car Park 4 tal-Università ta’ Malta, l-Imsida.

Minbarra dawn l-attivitajiet diversi organizzazzjonijiet oħra qed jorganizzaw attivitajiet biex ifakkru dan l-anniversarju. Inħeġġu lill-pubbliku jipparteċipa.