Repubblika tesprimi s-solidarjetà tagħha mal-voluntiera tal-Malta Ranger Unit u ta’ BirdLife Malta, li sfaw oġġett ta’ redikolu u malafama.

Il-problema mhijiex biss li partitarji ta’ partit politiku għażlu li jiddieħku b’organizzazzjonijiet ambjentali li jiddedikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex jipproteġu l-ħajja fin-natura u jassiguraw l-osservanza tal-liġijiet ambjentali. Dak li hu partikolarment inkwetanti huwa li l-eks Segretarju Parlamentari responsabbli mid-drittijiet tal-annimali għażlet li tiġġustifika din l-imġiba u tipprova tqiegħed fuq l-istess livell morali lil min jikser il-liġijiet li jipproteġu l-annimali u l-ambjent u lil dawk li b’mod volontarju jaħdmu biex jiddefenduhom.

Ħadd m’għandu għalfejn jistenna lil Segretarju Parlamentari responsabbli mid-drittijiet tal-annimali li tibqa’ newtrali bejn min jispara lejn annimali protetti u min jaħdem biex jipproteġihom. L-ebda uffiċjal pubbliku m’għandu jkun newtrali bejn min jikser il-liġi u min jgħin biex il-liġi tiġi osservata.

Huwa partikolarment irresponsabbli li eks ministru tirrepeti allegazzjonijiet mhux sostanzjati kontra voluntiera ambjentali mingħajr ma tippreżenta evidenza li ssostnihom. L-uffiċjali pubbliċi għandhom dmir li jiddefendu l-fatti u jipproteġu lil dawk li jaġixxu fl-interess pubbliku, mhux li jdgħajfuhom jew jattakkawhom.

Il-Malta Ranger Unit u BirdLife Malta jwettqu servizz importanti għall-ġid komuni, ħafna drabi b’riskju personali konsiderevoli. L-inqas li jistgħu jistennew huwa li politiċi li naqsu milli jiżguraw infurzar effettiv tal-liġijiet ambjentali ma jkomplux iżidu mal-ostilità diretta lejhom.

Il-kummenti attribwiti lil Alicia Bugeja Said juru disprezz inkwetanti lejn is-soċjetà ċivili u lejn ċittadini li jagħtu l-kontribut volontarju tagħhom biex jipproteġu l-wirt naturali tagħna. Repubblika se tkompli tkun solidali ma’ dawk li jiddefendu s-saltna tad-dritt, jipproteġu l-ambjent tagħna u jaġixxu fl-interess pubbliku, minkejja l-intimidazzjoni, il-bullying u l-malafama.