Hekk kif tagħlaq il-votazzjoni u nistennew ir-riżultat elettorali, Repubblika temmen li dan mhux biss mument biex jinħatar gvern ġdid, iżda wkoll okkażjoni biex nirriflettu bis-serjetà dwar il-kwalità tal-ħajja demokratika tagħna u dwar id-direzzjoni li qed jieħu pajjiżna.
Il-kampanja elettorali li għadna kif għaddejna minnha spiss wisq naqqset il-politika għal irkant ta’ wegħdi lil individwi, minflok diskussjoni serja dwar il-ġid komuni, il-futur fit-tul tal-pajjiż, u r-responsabbiltajiet li għandna lejn xulxin bħala membri ta’ komunità demokratika.
Għalkemm iż-żewġ partiti ewlenin inkludew referenzi għall-governanza, għar-riforma istituzzjonali, għat-trasparenza u għall-istandards demokratiċi fil-programmi elettorali tagħhom, dawn it-temi spiċċaw fil-biċċa l-kbira minsija matul il-kampanja. Minflok, id-dibattitu pubbliku kien iddominat minn wegħdi dwar l-immedjat, retorika bbażata fuq l-identità, u messaġġi politiċi mfassla primarjament għall-vantaġġ elettorali aktar milli għar-responsabbiltà nazzjonali.
Malta għadha tiffaċċja sfidi demokratiċi serji: il-ħtieġa għal infurzar aktar b’saħħtu kontra l-korruzzjoni, aktar trasparenza u kontabilità, salvagwardji istituzzjonali aktar effettivi, il-protezzjoni tal-libertà tal-midja, u l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Madankollu, il-prevenzjoni tal-korruzzjoni, ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet u r-riforma demokratika rarament ġew trattati bħala kwistjonijiet ċentrali fil-kampanja, minkejja l-importanza fundamentali tagħhom għall-futur tal-pajjiż.
Ninsabu wkoll imħassba dwar kemm il-mexxejja politiċi tagħna dehru lesti matul din il-kampanja li jwarrbu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem meta hekk titlob il-konvenjenza politika.
Id-dibattitu dwar il-possibbiltà ta’ aktar postijiet ta’ qima għall-komunità Musulmana, partikolarment wara r-reazzjonijiet profondament inkwetanti għall-kandidatura ta’ Omar Rababah aktar kmieni fil-kampanja, wera kemm il-fehim nazzjonali tagħna taċ-ċittadinanza, l-ugwaljanza u d-drittijiet kostituzzjonali jista’ jkun fraġli meta jiġi taħt pressjoni politika.
Mexxejja minn naħat differenti tal-ispettru politiku dehru lesti japprovaw jew jakkomodaw retorika li timplika li ċerti komunitajiet għandhom igawdu inqas libertajiet prattiċi minn oħrajn minħabba r-reliġjon jew l-identità tagħhom.
Id-demokrazija kostituzzjonali ta’ Malta ma tistax tiffunzjona fuq il-bażi li d-drittijiet japplikaw biss meta jkun konvenjenti politikament jew biss għal dawk li jikkonformaw mas-sentiment tal-maġġoranza. It-tmexxija demokratika titlob il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali proprju meta din il-protezzjoni tkun politikament skomda.
Ninsabu wkoll imħassba bin-normalizzazzjoni ta’ klijenteliżmu manifest matul il-kampanja. Id-diskors elettorali spiss ġie ridott għall-mistoqsija “x’se nieħu jien?”, filwaqt li l-partiti politiċi kkompetew b’mod miftuħ biex joffru benefiċċji, vantaġġi u wegħdi mmirati lejn setturi jew gruppi partikolari bi skambju għall-appoġġ elettorali. Din il-kultura ddgħajjef iċ-ċittadinanza, tnaqqas is-sens ta’ komunità li għandu jitrawwem fost poplu responsabbli u soċjalment konxju, timmina r-responsabbiltà demokratika, u tħassar id-distinzjoni bejn servizz pubbliku u patroċinju partiġġjan.
Aħna partikolarment imħassba b’indikazzjonijiet li l-vantaġġi ta’ min hu fil-poter reġgħu ntużaw matul din il-kampanja b’modi li jsaħħu kultura ta’ dipendenza politika.
Rapporti dwar żieda fir-reklutaġġ fis-settur pubbliku, interventi personalizzati favur votanti individwali, u l-perċezzjoni mifruxa li l-aċċess għal opportunitajiet jew riżorsi pubbliċi jista’ jkun influwenzat mil-lealtà politika jistħoqqilhom skrutinju serju. Jekk xi ħatriet pubbliċi, opportunitajiet ta’ impjieg, kuntratti, benefiċċji jew vantaġġi oħra ġew offruti jew mogħtija bi skambju għall-appoġġ elettorali, dan iqajjem mistoqsijiet mhux biss ta’ etika politika iżda potenzjalment ukoll dwar il-konformità mal-liġijiet elettorali ta’ Malta, li jittrattaw it-tixħim u prattiċi relatati bħala reati serji b’konsegwenzi kriminali u politiċi sinifikanti.
Anke fejn ma jistax jintwera li kien hemm talba espliċita għall-appoġġ politiku, l-użu sistematiku ta’ riżorsi pubbliċi, impjiegi pubbliċi jew influwenza governattiva b’modi li joħolqu dipendenza fuq il-pjaċiri jdgħajjef il-fiduċja fl-imparzjalità tal-Istat. Il-kompetizzjoni demokratika għandha tkun ibbażata fuq ideat, politika u servizz pubbliku, mhux fuq il-perċezzjoni li dawk fil-poter igawdu aċċess privileġġjat għar-riżorsi pubbliċi għal vantaġġ partiġġjan.
Demokrazija b’saħħitha teħtieġ distinzjoni ċara bejn l-Istat, li jappartjeni liċ-ċittadini kollha, u l-partit li temporanjament ikun fdat bit-tmexxija tiegħu.
Jibqa’ wkoll tħassib serju dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u r-regolamentazzjoni tal-kampanji elettorali. Dawn jinkludu n-nuqqas ta’ trasparenza fil-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi bbażati fuq flus kontanti, infiq elettorali minn kandidati individwali li jidher li jaqbeż il-limiti legali eżistenti, u l-inadegwatezza ġenerali tal-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u infurzar.
Dan kollu jsaħħaħ il-perċezzjoni pubblika li d-diskors politiku huwa ffurmat inqas mill-interess pubbliku u aktar minn donaturi anonimi u interessi finanzjarji moħbija li jiġbdu l-ispag minn wara l-kwinti.
Malta ma tistax tibqa’ tittollera sistema li fiha l-finanzjament tal-poter politiku jibqa’ daqshekk imċajpar u fejn l-istituzzjonijiet ta’ infurzar jibqgħu daqshekk dgħajfa.
Minkejja kollox, Repubblika temmen li Malta issa għandha opportunità għal bidu ġdid.
Il-leġiżlatura li jmiss għandha tkun dik li fiha Malta finalment tittratta l-protezzjoni tad-demokrazija u tas-saltna tad-dritt bħala prijoritajiet nazzjonali u mhux bħala obbligi imposti minn barra. Għandha tkun il-leġiżlatura li fiha jiġu implimentati bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar Daphne Caruana Galizia, jinbeda djalogu sinifikanti mas-soċjetà ċivili fl-ispirtu ta’ gvern miftuħ, u l-istandards internazzjonali dwar it-trasparenza, il-kontabilità, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-governanza demokratika u l-finanzjament politiku mhux biss jintlaħqu iżda jinqabżu.
Dan għandu jinkludi riforma serja tal-finanzjament tal-partiti politiċi, infurzar effettiv tar-regoli dwar l-infiq elettorali, salvagwardji aktar b’saħħithom kontra l-klijenteliżmu u l-użu ħażin tar-riżorsi pubbliċi, kif ukoll trasparenza sostanzjali dwar l-influwenza politika u d-donazzjonijiet.
Repubblika ġġedded l-impenn tagħha li tkompli taħdem b’mod kostruttiv, sod u indipendenti biex dawn l-għanijiet jintlaħqu. Nittamaw li l-amministrazzjoni li jmiss tkun lesta tagħmel l-istess.