Repubblika tappoġġja t-talba tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin sabiex il-Gvern ma jibqax ikaxkar saqajh u jdaħħal malajr leġiżlazzjoni kontra l-kawżi SLAPP (kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika).

Minbarra li tippoteġi l-ġurnalisti, din il-liġi tħares ukoll lis-soċjetà mill-abbuż ta’ min hu b’saħħtu finanzjarjament u jrid joħnoq id-dritt għall-informazzjoni.

Erba’ xhur wara li l-Oppożizzjoni ressqet abbozz ta’ liġi kontra dan l-abbuż, il-Gvern għadu ma ċċaqlaqx.

Repubblika tfakkar li il-poplu Malti huwa diġà vittma ta’ dan l-abbuż meta Henley & Partners, il-kumpanija mqabbda mill-Gvern Malti biex tbiegħ iċ-ċittadinanza tagħna, ħadet dak li riedet u għalqet ħalq il-ġurnalisti Maltin wara li heddithom bi SLAPP fl-2017.

Niftakru f’dak li Henley and Partner u s-sid tal-Pilatus Bank għamlu lil Daphne Caruana Galizia.

Niftakru f’dak li s-sid tas-Sata Bank għamel lil Manuel Delia u lit-Times of Malta.

Naraw dak li għamel Turab Musayev lil The Shift u ohrajn li rrappurtaw dwaru.

Dan kollu huwa theddiha għalina lkoll u għad-drittijiet tagħna.

Il-Gvern għandu l-obbligu li jħares id-drittijiet tagħna u għalhekk Repubblika tappoġġja it-talba tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għall-ħarsien legali kontra l-abbuż b’kawżi SLAPP.