Repubblika qed tippubblika d-deċiżjoni preliminari li rċeviet mingħand il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar l-ilment li ressqet kontra l-Prim Ministru Robert Abela wara l-allegazzjonijiet magħmula taħt ġurament mill-Imħallef Lawrence Mintoff.
Il-Kummissarju spjega li mhux se jippubblika din id-deċiżjoni f’dan l-istadju, iżda biss eventwalment bħala parti mir-rapport finali dwar dawk l-allegazzjonijiet li għadhom jistgħu jiġu investigati. Repubblika tqis li l-pubbliku għandu dritt ikun jaf minnufih b’din id-deċiżjoni. Għalhekk qed nippubblikawha fl-intier tagħha.
Id-deċiżjoni hija limitata għal kwistjoni waħda: jekk il-Prim Ministru setax legalment jirrinunzja għall-preskrizzjoni sabiex il-Kummissarju jinvestiga wkoll allegazzjonijiet li, skont il-liġi, kienu diġà waqgħu barra t-termini stabbiliti. Dan wara li l-Imħallef Mintoff ippubblika allegazzjonijiet ta’ mġieba allegatament skorretta ta’ Robert Abela meta dan kien Deputat Parlamentari u jippratika bħala avukat fil-qorti.
Il-Kummissarju ddeċieda b’mod ċar li ma kienx possibbli li jinjora l-preskrizzjoni li hi stabbilita fil-liġi. It-termini stabbiliti mil-liġi huma ta’ ordni pubbliku u ma jistgħux jitwarrbu jew jiġu rrinunzjati mill-persuna li tkun is-suġġett tal-investigazzjoni.
Din il-konklużjoni tikkonferma dak li Repubblika kienet qalet mill-ewwel.
Meta l-Prim Ministru ħabbar pubblikament li kien qed “jirrinunzja” għall-preskrizzjoni sabiex il-Kummissarju jkun jista’ jinvestigah, huwa kien qed jippreżenta lill-pubbliku xi ħaġa li l-liġi ma tippermettix.
Il-Prim Ministru jaf sew li preskrizzjoni stabbilita mil-liġi ma tistax titneħħa bil-kunsens tiegħu. Lanqas il-Qrati ma jistgħu jinjoraw il-preskrizzjoni. Lanqas il-Kummissarju ma seta’ jagħmel dan.
Għalhekk, l-uniku effett tar-rinunzja tiegħu kien wieħed politiku: li joħloq l-impressjoni li ma kellux oġġezzjoni għal investigazzjoni sħiħa, filwaqt li kien jaf li l-liġi kienet xorta tipprekludiha.
Dan kien nuqqas ta’ rispett lejn il-pubbliku u lejn il-proċess stess.
Aktar gravi minn hekk, din mhijiex problema li l-Gvern skopra llum. Il-liġi li tipprekludi dawn l-investigazzjonijiet inkitbet mill-istess maġġoranza li llum tappoġġja lill-Prim Ministru. Għal snin twal baqgħu ma sarux ir-riformi meħtieġa minkejja li l-limitazzjonijiet tal-liġi kienu magħrufa u kienu s-suġġett ta’ rakkomandazzjonijiet minn diversi naħat, fosthom il-Kummissarju għall-Istandards u l-OECD.
Il-Prim Ministru jista’ jagħmel ħafna aktar milli sempliċiment jgħid li l-liġi mhijiex sodisfaċenti. Huwa għandu s-setgħa politika u parlamentari biex ibiddilha. Minflok għamel dan, ipprova joħloq l-impressjoni li kien lest jinjora liġi li jaf perfettament li ħadd ma għandu s-setgħa jinjoraha.
Għalkemm il-liġi kif inhi llum tfisser li ma jistgħux jiġu investigati l-allegazzjonijiet li jaqgħu barra l-preskrizzjoni, il-mod kif il-Prim Ministru pprova juża din il-limitazzjoni legali biex jibni immaġni ta’ trasparenza jkompli jqajjem mistoqsijiet serji dwar il-kondotta tiegħu fil-kariga.
Repubblika tistenna li l-Kummissarju jkompli mingħajr dewmien bl-investigazzjoni tal-allegazzjonijiet kollha li għadhom jistgħu jiġu investigati skont il-liġi.
Fl-istess ħin, terġa’ ssejjaħ lill-Gvern biex jemenda minnufih l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika sabiex il-preskrizzjoni ma tibqax tintuża bħala ostaklu għall-investigazzjoni ta’ allegazzjonijiet serji dwar il-kondotta ta’ persuni li jokkupaw karigi pubbliċi.
08.07.2026
REPUBBLIKA TIPPUBBLIKA DEĊIŻJONI PRELIMINARI TAL-KUMMISSARJU GĦALL-ISTANDARDS
Stqarrija PR 38/2026