Ir-reazzjoni tal-għaqdiet volontarji għal dawn ir-regolamenti malli sirna nafu bihom ftit ġranet ilu qatt ma kienet fuq l-€40 noll. Dan il-ġest mhu se jneħħi xejn mir-rabja tal-għaqdiet volontarji.

Ir-reazzjoni tagħna hi għax fejn sa Settembru 2020, kulħadd kellu d-dritt li jagħti donazzjonijiet b’mod ħieles lill-għaqdiet li jagħmlu xogħol volontarju, issa dan id-dritt qed jitliġġem mill-gvern.

Sa Settembru 2020, kull għaqda volontarja li riedet tiġbor donazzjonijiet kellha l-ewwel tirreġistra mal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji u kellha tikkonforma ma’ regoli ta’ trasparenza u verifika maħsuba biex jassiguraw li ħadd ma juża l-volontarjat għal skopijiet ħżiena. Dan dejjem kien raġjonevoli u jekk kien hemm bżonn jissaħħu l-proċessi ta’ verifika dan seta’ jsir b’konsultazzjoni u mingħajr ma jitgħaffġu d-drittijiet t’assoċjazzjoni u espressjoni ħielsa.

Iżda dawn ir-regoli jfissru li l-għaqdiet volontiera issa saru aġenti tal-Istat, ikkontrollati mill-Istat, jistgħu jiġbru flus biss jekk ikollhom il-permess tal-Istat, u biss b’modi li bih l-Istat ikun jaf min qed jagħti donazzjonijiet lil min.

Il-volontarjat u s-soċjetà ċivili huma essenzjali għal demokrazija. Biex jiffunzjonaw iridu jkunu indipendenti mill-gvern. L-għaqdiet mhumiex jilmentaw li jridu jħallsu €40 lill-gvern kull darba li jridu jitolbu permess biex jezerċitaw il-funzjoni li għaliha twaqqfu – għalkemm huma spiża żejda. L-għaqdiet qed jilmentaw li issa jridu jitolbu permess tal-gvern biex jeżerċitaw il-funzjoni li għaliha twaqqfu.

Il-Gvern għandu jieqaf jassumi li l-għaqdiet volontarji huma magħmula minn nies li moħħhom biex jisirqu. Il-volontarjat u s-soċjetà ċivili huma magħmula minn nies li jagħtu minn ħinhom għall-ġid ta’ ħaddieħor. Il-gvern għandu joqgħod lura milli jfixkel lil min irid biss jagħmel il-ġid.

Qegħdin għalhekk nitolbu li l-gvern jirtira r-regolamenti ta’ Settembru 2020 u jekk irid jimplimenta miżuri aktar sodi ta’ verifika finanzjarja jiftaħ konsultazzjoni serja biex jiddaħħlu miżuri li ma jxekklux il-volontarjat li jopera b’rispett sħiħ tal-liġi.