Repubblika llum bagħtet ittra lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-istaġnar fil-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid.

Fl-ittra (mehmuża ma’ din l-istqarrija), Repubblika tesprimi t-tħassib tagħha dwar il-ħsara li qed issir lill-perċezzjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura u tappella biex dan il-proċess jiġi trattat bħala kwistjoni ta’ Stat, mhux ta’ kalkolu partiġġjan.

Repubblika tistieden li jkun hemm ċarezza dwar x’inhu maħsub b’“mekkaniżmu kontra l-istaġnar” u tenfasizza li kull riforma għandha twassal għal aktar tnaqqis tal-indħil politiku fil-ġudikatura, mhux għal aktar kontroll maġġoritarju.

Fl-istess ittra, Repubblika terġa’ tressaq żewġ rakkomandazzjonijiet tagħha: li l-Prim Imħallef jintgħażel minn u minn fost il-membri tal-ġudikatura, u li tissejjaħ konvenzjoni kostituzzjonali biex jiġu msaħħa l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż.