Kummenti riċenti f’rapport tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni (KPKK) jissuġġerixxi li jkun aħjar kieku rapporti li jsirulha jinkitbu minn avukati speċjalizzati fil-liġi kriminali u li jkunu jinkludu diġà fihom provi biżżejjed biex iġibu kundanna f’qorti. Din l-attitudni tirrifletti problema profonda fil-ġlieda li Malta suppost qed tagħmel kontra l-korruzzjoni. Hu sinifikattiv li qrajna dan il-kumment tal-KPKK fil-ġimgħa fejn il-falliment tagħha hu ċertifikat mill-istatistika li wriet li Malta tbati mill-perċezzjoni ta’ fost l-aktar mifnija bil-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea.

Nixtiequ nkunu ċari. Il-membri tal-KPKK infushom m’għandhomx tort. Il-funzjoni tagħhom hi definita bil-liġi, mhux b’xi għażla tagħhom, u r-riżorsi estremement limitati li għandhom jingħatawlhom b’deċiżjoni tal-gvern. Ir-responsabbiltà allura hi tas-sistema, mhux tal-individwi li jħaddmuha.

Madanakollu, ir-riżultati tas-sistema jitkellmu weħidhom. Fil-35 sena li ilha teżisti, il-KPKK waslet effettivament għal prosekuzzjoni waħda biss: u dik ġrat għax il-persuna kkonċernata talbet li tixxaħħam bil-miktub. Mhux raġjonevoli li wieħed jinterpreta din l-istatistika pwerili bħala prova li Malta hi safja mit-tebgħa tal-korruzzjoni. Din l-istatistika hi prova li l-istituzzjonijiet tagħna m’għandhomx il-kapaċità strutturali li jsibu, jistħarrġu u jressqu l-korruzzjoni.

F’demokrazija li taħdem, l-entitajiet ta’ kontra l-korruzzjoni ma jgħollux l-ostakli proċedurali għaċ-ċittadini. Ibaxxuhom. Jinkoraġixxu lin-nies tirrapporta, jipproteġu lill-whistleblowers, u b’mod attiv u assidwu jedukaw lill-pubbliku dwar kif taħdem il-korruzzjoni u x’għandu jagħmel biex jgħin iwaqqafha. Is-suġġeriment li biex jingħataw attenzjoni, l-ilmenti tal-pubbliku jridu jitfasslu bis-sengħa legali u lesti bil-provi kollha biex imorru l-qorti mingħajr mal-KPKK ikollha għalfejn tagħmel nofstanhar xogħol fuqhom, isikket lin-nies li l-istituzzjonijiet messhom qed jagħtuhom is-setgħa jitkellmu.

Malta teħtieġ riforma istituzzjonali għal kontra l-korruzzjoni msejsa fuq l-aqwa prattiċi internazzjonali:

  • Istituzzjoni speċjalizzata għal kontra l-korruzzjoni, indipendenti mill-gvern, bis-setgħa u r-riżorsi li tinvestiga b’mod effettiv u tieħu deċiżjonijiet ta’ prosekuzzjoni mwettqa minn prosekuturi speċjalizzati mkenna min indħil jew direzzjoni politika.
  • Protezzjoni b’saħħitha għall-whistleblowers, mezzi kunfidenzjali ta’ kif wieħed jirrapporta, protezzjoni minn meta jsir l-ewwel rapport biex ix-xhud ma jbatix ritaljazzjoni, u proċeduri aċċessibbli li ma jkunu jeħtieġu ebda taħriġ legali.
  • Verifika sistematika tad-dikjarazzjonijiet tad-dħil u tal-assi, ta’ kunflitt ta’ interess, u ta’ ġid mhux spjegat tal-uffiċjali pubbliċi.
  • Trasparenza sħiħa u għassa fil-ħin (mhux biss wara l-fatt) tax-xiri pubbliku u tal-kuntratti ta’ konċessjoni.
  • Obbligu għall-istituzzjonijiet li jieħdu inizjattivi pubbliċi ta’ edukazzjoni u biex jinkoraġixxu liċ-ċittadini jirrapportaw suspett ta’ korruzzjoni li jista’ jkollhom.
  • Għassa parlamentari msejsa fuq riżultati li jistgħu jitkejlu u mhux ir-rapporti formali ta’ attività (jew nuqqas tagħha) li għandna llum.

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni mhix attività amministrattiva li tista’ ssir b’mod passiv billi wieħed joqgħod jistenna li tiġih l-evidenza inkartata u marbuta b’ċoff fil-posta. Neħtieġu istituzzjonijiet mibnija biex jikxfu l-għemil ħażin, mhux isibu l-iskużi biex ikunu l-uniċi li ma jarawhx.

Iċ-ċittadini Maltin m’għandux għalfejn ikollhom iqabbdu avukat biex biss ikellmu lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż li suppost qegħdin hemm biex jipproteġuhom.

Il-messaġġ li għandhom jibgħatu l-istituzzjonijiet għandu jkun sempliċi u ċar: jekk għandek suspett ta’ korruzzjoni, tkellem – ser nipproteġuk u se nieħdu azzjoni.

Sakemm l-istrutturi tagħna ma jerġgħux jinbnew biex iwettqu dik il-wegħda, ir-riżultat se jibqa’ l-impunità.