Qed iddur narrativa falza f’dawn l-aħħar jiem li l-impass preżenti fil-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid hi konsegwenza ta’ regoli imposti fuqna mill-Kummissjoni Venezja jew mill-“Ewropej”. Dan hu assolutament falz. Il-verità hi l-maqlub. L-Ewropa avżat lil Malta biex ma ddaħħalx is-sistema li issa qed tfalli.

Dan joħroġ ċar mir-rekord dokumentat. Fil-fehma tagħha tal-2018, il-Kummissjoni Venezja ma rrakkomandatx vot parlamentari biex jinħatar Prim Imħallef. Minflok tat il-parir li l-ħatra ssir mill-President fuq il-parir tal-Kumitat għall-Ħatriet Ġudizzjarji li jkun fih maġġoranza ta’ membri tal-ġudikatura, biex titneħħa l-politika mill-ħatra tal-Prim Imħallef u titħares l-indipendenza ġudizzjarja. Ħadd ma ppropona li l-parlament isir l-awtorità li taħtar. Il-gvern minn jheddu għażel li jinjora dak il-parir.

Fl-2020, il-gvern unilateralment abbozza liġi li daħħlet il-ħtieġa ta’ maġġoranza ta’ żewġ-terzi biex jinħatar Prim Imħallef u wara li għamel dan staqsa lill-Kummissjoni Venezja x’taħseb. It-tweġiba kienet ċara u mingħajr tlaqlieq. Il-Kummissjoni Venezja avżat lill-gvern bil-periklu li kandidati għall-ħatra jibdew jipprovaw jingħoġbu mal-politiċi u li jekk il-partiti ma jaqblux jeħel kollox. Il-Kummissjoni Venezja avżatna li sistema bħal dik taf teħel. Il-gvern injora dak il-parir u baqa’ għaddej.

Meta l-abbozz sar liġi, il-Kummissjoni Venezja qalet li jiddispjaċiha li Malta mexxiet kontra l-parir li tat u tenniet l-inkwiet ta’ x’se jiġri bil-liġi l-ġdida appuntu kif qed jiġri issa.

Ir-rapporti dwar is-saltna tad-dritt tal-Kummissjoni Ewropea ripetutament stqarrew li l-proċedura tal-ħatra ta’ Prim Imħallef kienet difettuża. Ikkritikaw il-fatt li l-ġudikatura hi eskluża mill-proċess. Ikkritikaw il-fatt li l-gvern ma segwiex il-parir tal-Kummissjoni Ewropea. Fir-rapport tal-2022, il-Kummissjoni Ewropea tat parir formali lil Malta biex issewwi dawn id-diffetti. Dak il-parir iġġedded f’kull rapport ta’ kull sena mill-2022 ‘l hawn. Il-gvern għażel li jinjorah kull darba.

Hu għalhekk għal kollox qarrieqi li wieħed jissuġġerixxi li għandna xi sistema imposta mill-“Ewropej”. Mhux hekk. Is-sistema li għandna nħasbet, iddaħħlet, u kienet difiża mill-gvern tagħna bi sfida għall-pariri Ewropew, u l-Ewropa ilha tikkritikah mindu ddaħħal.

F’dan l-isfond, ir-rimarki tal-Prim Ministru li ninsabu mwaħħlin minħabba dawk li “qed jimbuttaw li l-ħatra ssir bi tpattija u mibgħeda” mhumiex biss foloz imma minnhom infushom jitfgħu dawl fuq il-verità. Aħna ninterpretaw ir-rimarki tal-Prim Ministru bħala riferenza għal Repubblika. Il-Prim Ministru jaf li ilna mill-2018 nargumentaw b’mod konsistenti li l-metodu tal-ħatra tal-Prim Ministru għandu jinbidel biex jispiċċaw in-negozjati politiċi u titħares l-indipendenza tal-ġudikatura. Jaf ukoll li l-argumenti tagħna jirriflettu n-normi aċċettati fl-Ewropa demokratika u huma riflessi fil-pariri u l-avviżi tal-istituzzjonijiet Ewropej. Billi jattakka dawk li opponew il-liġi minn mindu ddaħħlet, il-Prim Ministru qed jipprova jfarfar mir-responsabbiltà ta’ rifjut stinat tal-gvern li jibdel sistema li kien ilu avżat li se tfalli.

Hemm triq il-quddiem, jekk hemm maturità politika. Iż-żewġ naħat tal-Parlament iridu jaħdmu bis-serjetà u bla dewmien biex isibu qbil. Għalkemm difettuża jridu issa jħaddmu l-liġi li għandna. Il-ġudikatura Maltija fiha ħafna mħallfin anzjani li jgawdu l-kunsens u r-rispett wiesgħa politiku u istituzzjonali. M’għandux għalfejn ikun diffiċli l-Parlament jagħżel waħda jew wieħed minnhom.

Lil’hinn mill-ħatra li jmiss, il-gvern għandu mingħajr aktar dewmien isejjaħ il-konvenzjoni kostituzzjonali li ilha mwiegħda erbatax-il sena. Dak hu l-forum idoneu għal ħsieb frisk dwar kif għandu jinħatar il-prim imħallef b’mod li tassew iħares l-indipendenza ġudizzjarja, ineħħi l-politika mir-rwol, u jevita dewmien bla bżonn, skont normi Ewropej li Malta tgħid li tirrispetta.

Din hi kriżi mbassra. L-avviżi ilhom miktubin. It-tort hu ta’ min injorahom. Hi tmexxija ħażina ta’ wieħed li jweħħel it-tort t’għemilu fuq l-“Ewropej” u s-soċjetà ċivili u għall-konsegwenzi ta’ liġi li nafu li hi diffettuża. Tmexxijja tajba trid tiswija xierqa tal-liġi.