Repubblika hi mħassba b’rapporti li l-Qorti rrevokat il-mandati ta’ sekwestru imposti fuq Kasco Holdings u fuq Josette Schembri Vella wara li nstab li skadew it-termini legali għat-tiġdid tagħhom.

Dan huwa episodju ieħor li jżid mas-sens dejjem jikber li l-istat Malti jew m’għandux il-kapaċità jew m’għandux ir-rieda li jwassal sal-aħħar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli l-aktar għoljin tal-poter.

Għal ħafna snin il-pubbliku sema’ allegazzjonijiet serji dwar korruzzjoni, ħasil tal-flus u abbuż ta’ poter li jinvolvu persuni li kienu fil-qalba tal-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat. Inkjesti maġisterjali, investigazzjonijiet ġurnalistiċi u proċeduri kriminali pproduċew ammont kbir ta’ evidenza dwar kif l-istituzzjonijiet tal-istat intużaw għall-benefiċċju privat ta’ persuni fil-poter. Iżda minkejja dan kollu, il-pajjiż għad s’issa mhux jara li l-istituzzjonijiet huma kapaċi jwasslu ġustizzja b’mod ugwali għal kulħadd.

Każ wara ieħor jidher li jintilef fid-dewmien, fil-kumplessità tal-proċess jew f’nuqqasijiet li ma għandhomx iseħħu f’sistema li tassew trid tara li ssir ġustizzja. Kull episodju bħal dan ikompli jdgħajjef il-fiduċja tal-pubbliku li l-istituzzjonijiet huma verament determinati li jiġġieldu l-korruzzjoni meta din tinvolvi persuni li kienu jew huma qrib il-poter politiku.

Dawn l-iżviluppi inevitabbilment iqajmu s-suspett li l-influwenza li Keith Schembri kellu fuq l-istituzzjonijiet qatt ma naqset u li l-kultura ta’ impunità li nbniet madwaru għadha tħalli l-effetti tagħha. Minkejja snin twal ta’ investigazzjonijiet, proċeduri u wegħdi, rajna ftit wisq konsegwenzi għal dawk li kienu fil-qalba tal-akbar skandli ta’ korruzzjoni fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna.

Repubblika ma jiddispjaċihiex biss li persuni suspettati b’reati serji jevitaw il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom. L-akbar telfa hija waħda nazzjonali. Pajjiżna għadu ma sabx il-kuraġġ jikkonfronta kif ġie misruq u tradut minn persuni li kienu fdati bit-tmexxija tiegħu. Mingħajr accountability vera ma jistax ikun hemm għeluq ta’ dan il-kapitlu, u mingħajr għeluq il-ferita tibqa’ miftuħa.

Meta l-istituzzjonijiet jonqsu milli japplikaw il-liġi b’mod effettiv kontra l-aktar persuni b’saħħithom, il-messaġġ li jintbagħat lis-soċjetà huwa wieħed perikoluż: li hemm klassi ta’ nies li jistgħu jiksru l-liġi mingħajr biża’ ta’ konsegwenzi. Dan ikompli jdgħajjef il-fiduċja fil-ġustizzja, fil-pulizija, fil-prosekuzzjoni u fil-governanza demokratika tal-pajjiż.

Il-ħsara mhijiex biss li persuni li allegatament wettqu reati serji jibqgħu jevitaw il-konsegwenzi. Il-ħsara hija wkoll li ċ-ċittadini jitilfu l-fiduċja li l-istituzzjonijiet huma kapaċi jipproteġuhom. Meta l-istat jidher li ma jistax jew ma jridx jinforza l-liġi kontra dawk li kellhom jew għandhom il-poter, ikun qed jibgħat sinjal ta’ garanzija ta’ impunità lil min jara l-politika u l-amministrazzjoni pubblika bħala mezz għall-arrikkiment personali. Repubblika terġa’ tisħaq li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ma tistax tkun biss kwistjoni ta’ kliem, ta’ strateġiji jew ta’ dikjarazzjonijiet politiċi. Irid ikollna investigazzjonijiet effettivi, prosekuzzjonijiet kompetenti u sentenzi mogħtija fi żmien raġonevoli. Sakemm dan ma jseħħx, il-kultura tal-impunità li tant għamlet ħsara lill-pajjiż tibqa’ tissaħħaħ, u d-demokrazija tagħna tibqa’ tħallas il-prezz.