Repubblika qed terġa’ ssejjaħ għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali Dr Victoria Butigieg.

Huwa inaċċettabli li f’pajjiż demokratiku u ċiviliżżat jiġri dak li ġara llum fil-kawża dwar attentat ta’ korruzzjoni ta’ ġurnalist miż-żewġ avukati ta’ Yorgen Fenech, akkużat bl-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia.  

Il-Qorti sabet li kien veru li dawn iż-żewġ avukati pruvaw ixaħħmu lill-ġurnalista Ivan Martin.  Imma minhabba dak li għamlet l-Avukat Ġenerali, il-Qorti ma setgħetx issibhom ħatja.

Din hija sitwazzjoni mill-aktar gravi.  

Pajjiżna jinsab f’sitwazzjoni fejn wara li ġurnalist ma aċċettax li jinxtara u wettaq dmiru ta’ ċittadin onest u wara li l-Pulizija onesti wettqu dmirhom, investigaw u ressqu l-Qorti lil min prova jikkorrompi, u wara li dan il-ġurnalist jagħmel xhur tiela’ u niezel il-Qorti, l-Avukat Ġenerali ppreżenta akkuża ‘żbaljata’ li wasslet biex min prova jikkorrompi ġie meħlus.

Għalina dawn mhumiex żbalji.

Illum l-Istat Malti qed igħid lil min hu onest li mhux se jħarsu u jipproteġih.  

Illum min ħaseb li bil-flus se jagħmel kollox, anke jixtri ġurnalist, biex iqawwi qalbu għax l-Istat ta’ Malta se jħarsu.

Huwa inaccettabli li Gvern demokratiku jibqa’ ċass quddiem ħmieġ bħal dan.  Is-saltna tad-dritt, fejn kulħadd huwa indaqs quddiem il-liġi u fejn il-liġi hija l-istess għal kuhadd, tfisser li trid tintrefa’ responsabiltà għal nuqqasijiet gravi bħal dawn.  

Il-Parlament għandu l-għodda biex jindirizza dawn is-sitwazzjonijiet gravi jekk l-Avukat Ġenerali ma titlaqx minn jeddha.  Inkella l-Parlament ikun qed jikkonferma li l-liġijet li jagħmel mhumiex l-istess għal kulħadd:  hemm liġijiet għal allat u liġijiet oħra għal bhejjem.

Infakkru li ftit ilu, deċiżjoni tal-istess Avukat Ġenerali, persuna li sparat fuq il-Pulizija waqt li kienu qed jisfrattaw is-serqa mill-HSBC, wasslet biex dan franka snin ħabs u lanqas biss xehed.

Pajjiżna ma jistax jibqa’ sejjer hekk.