Repubblika tesprimi pubblikament il-preokkupazzjoni kbira tagħha dwar l-intoppi li jidher li qed isiru fil-Pulizja biex tkun imfixkla l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta’ min hu b’saħħtu.

Ir-rapport tar-riżenja mill-Pulizija ta’ uffiċjal għoli fil-Pulizija involut fl-investigazzjonijiet fuq Joseph Muscat, John Dalli u l-ftehim korrott tal-isptarijiet, imxandra fis-Sunday Times tal-lum, huwa xokkanti.

Daqstant ieħor huwa xokkanti li jidher li r-raġuni li wasslet għal din ir-riżenja hija l-qagħda preżenti fil-Korp tal-Pulizija.

Jidher li s-swaba’ twal tal-qarnita tal-korruzzjoni qed jaħdmu b’diversi modi.

Jidher li dawn iċ-centri okkulti, fejn jikkonverġu interessi kbar, qed jirnexxilhom ifixklu lill-Pulizija u lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali billi ma jingħatawx l-appoġġ u l-istrumenti li jeħtieġu u billi jitħallew waħdehom ħalli jaqtgħu qalbhom.

Hu ferm inkwetanti li bir-riżenja ta’ dan l-uffiċjal, il-prosekuzzjoni ta’ John Dalli sabet xkiel ġdid li żgur mhux fl-interess tal-ġustizzja.

Repubblika ttenni l-apprezzament tagħha lejn in-numru sinifikanti ta’ pulizija onesti li kuljum iwettqu dmirhom bla ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, kif ukoll tikkonferma l-impenn tagħha kontra l-koruzzjoni li rabbiet għeruq twal, fil-fond u b’saħħithom ġewwa pajjiżna.