Repubblika tesprimi s-solidarjetà sħiħa tagħha ma’ Christine Mamo, il-ġurnalista attakkatha minn Jason Micallef u mal-ġurnalisti kollha li jħabbtu wiċċhom mal-intimidazzjoni, l-abbuż u l-bullying għax qed jagħmlu xogħolhom.

L-attentat ta’ Jason Micallef li jiġġustifika mġiebtu billi jgħid li għandu dritt għal-libertà tal-espressjoni qed iħarbat mill-qiegħ dak li l-libertà tal-espressjoni qegħda hemm biex tipproteġi. Bħad-drittijiet kollha, il-libertà tal-espressjoni, qegħda hemm biex tipproteġi liċ-ċittadini mill-poter tal-istat. Mhux qegħda hemm biex tkenn lill-uffiċjali pubbliċi mill-iskrutinju pubbliku, u lanqas biex ittihom liċenzja jabbużaw, jintimidaw, u jmaqdru ‘l ġurnalisti li jżommuhom responsabbli t’għemilhom.

Waqt li qiegħed f’pożizzjoni pubblika, Jason Micallef mhux jeżerċita xi poter personali. Qed juża awtorità mislufa lilu mill-pubbliku u qed jonfoq flus li fdalu l-pubbliku. Dak il-poter iġib miegħu drittijiet, mhux privileġġi. Fost dawk id-dmirijiet hemm l-obbligu li jisma’ l-kritika, jirrispetta r-rwol tal-istampa, u jassigura li l-ġurnalisti jistgħu jaħdmu mingħajr biża ta’ fastidju jew ritaljazzjoni.

Diskors abbużiv, attakki personali, u attentati li jiskreditaw lill-ġurnalisti – speċjalment ġurnalisti nisa li jisfaw vittmi ta’ ħdura kbira – mhumiex forom ta’ espressjoni ħielsa. Huma abbuż tal-poter. Meta uffiċjali tal-gvern iġib ruħu hekk, iġib chilling effect fuq il-ġurnaliżmu u jdgħajjef il-kontabilità demokratika.

Id-diskors ta’ bully ta’ Jason Micallef ma jaħbix il-fallimenti sostantivi li hu responsabbli għalihom, inkluż il-ħela u l-inkompetenza fil-proġett Ta’ Qali. Flok jirrikonoxxi l-fallimenti tiegħu u jagħti kont ta’ x’nefaq fuqhom, għażel li jattakka lil min isaqsi mistoqsijiet leġittimi dwarhom. Din mhux tmexxija; din hi evażjoni.

Repubblika tiċħad l-argument li l-uffiċjali pubbliċi għandhom xi dritt għall-impunità meta jabbużaw lill-ġurnalisti. Il-libertà tal-kelma f’soċjetà demokratika qiegħed hemm biex il-ġurnalisti jkunu jistgħu jagħmlu mistoqsijiet antipatiċi lil dawk fil-poter – mhux biex dawk fil-poter isikktu lil min jikkritikahom.

Nieqfu mal-ġurnalista Christine Mamo u mal-membri tal-istampa li jaħdmu fl-interess pubbliku, minkejja l-intimidazzjoni, u l-ostilità ta’ dawk li messhom jafu aħjar.