Repubblika tikkundanna l-ħsara serja li qed issir lis-saltna tad-dritt internazzjonali minħabba l-azzjonijiet tal-Istati Uniti li neħħew bil-forza lil Nicolas Maduro mill-Veneżwela.
M’għandna ebda simpatija ma’ Nicolas Maduro. L-istorja tiegħu ta’ ripressjoni, korruzzjoni, u abbuż tad-drittijiet tal-bniedem hi magħrufa, u hu meħtieġ li jagħti kont t’għemilu mingħajr dewmien. Imma l-kontabilità għandha tinkiseb permezz tal-liġi internazzjonali u mhux permezz ta’ azzjoni militari unilaterali li tinjora s-sovranità tal-istati u ta’ normi legali stabbiliti.
Ir-reati li jwettqu l-kapijiet tal-istati għandhom ikunu investigati u ssir prosekuzzjoni tagħhom fi strutturi internazzjonali rikonoxxuti bħal tribunali internazzjonali fejn ikun hemm bżonn. L-alternattiva fejn pajjiżi jsiru mħallfin, ġurati, u bojja, therri l-ordni legali li nbniet b’sabar kbir mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn.
Jekk stati jistgħu meta jfettilhom jinvadu, jokkuppaw, u jneħħu mexxejja ta’ pajjiż ieħor mingħajr kas tal-liġi internazzjonali u tal-komunità internazzjonali, ma nkunux qed nippromwovu l-ġustizzja. Inkunu qed inreġġgħu lura sekli ta’ progress bil-mod u fraġli u mmorru lejn dinja ggvernata bil-forza minflok bil-liġi. Dik it-triq ma ttiniex kontabilità; ittina anarkija globali.
L-agħar li jmorru b’dan il-kollass ikunu l-pajjiżi ż-żgħar. Malta dan tafu minn sekli ta’ ħakma u sfruttament kolonjali. Għall-pajjiżi ż-żgħar, il-liġi internazzjonali, ir-rispett lejn is-sovranità, u l-istituzzjonijiet multilaterali m’humiex xi ideal astratt. Dawn huma protezzjonijiet essenzjali.
Repubblika għalhekk titlob lill-awtoritajiet Maltin biex jitkellmu b’mod ċar u fil-beraħ. Malta għandha titlob lill-Istati Uniti jillimitaw l-azzjonijiet tagħhom fil-limiti tal-liġi internazzjonali u fir-rispett tas-sovranità tal-istati, ikunu kemm ikunu oġġezzjonabbli l-gvernijiet tagħhom. Is-skiet quddiem preċedenti bħal dawn idgħajjef il-prinċipji li fuqhom jiddependu l-pajjiżi ż-żgħar.
Id-difiża tal-liġi internazzjonali trid tkun konsistenti u universali. Ebda pajjiż, ikun kemm ikun b’saħħtu, m’għandu jitħalla jpoġġi lilu nnifsu ‘l fuq mil-liġi.