Il-wirja patetika tal-Ministru Anton Refalo meta mistoqsi minn ġurnalisti Taljani dwar x’jaf dwar il-miġjiet ta’ Totò Riina f’propjetà tiegħu tqajjem aktar mistoqsijiet minn dawk li evita li jwieġeb.

Meta kien preżentat bl-isem ta’ Riina, l-akbar boss mafjuż Sqalli fl-istorja moderna, il-Ministru Anton Refalo wieġeb “ma nafx min hu”. Jekk xi ħadd irid jispjega xi tfisser il-kelma “omertà” isib f’dan il-mument inkredibbli l-aqwa eżempju.

Id-difiża kolleġġjali li qed issir lill-Ministru Anton Refalo hi li l-kritiċi tiegħu qed jevitaw li jsemmu li Totò Riina kien ħaj u aktarx kien viżitatur regolari ta’ Għawdex meta f’Malta kien hawn gvern tal-Partit Nazzjonalista.

Jekk Malta kienet rifuġju tal-mafjużi, m’hemm ebda skuża li tista’ tippermettilna nevitaw nikkonfrontaw din ir-realtà storika u nitgħallmu minnha.

Imma li ministru tal-gvern illum iħoss li m’għandux għalfejn iwieġeb mistoqsija li ssirlu minn ġurnalisti jekk hux minnu li propjetà tiegħu kienet ir-rifuġju tal-akbar mafjuż u x’jaf dwaru għax, fi kliemu stess, “mhux affarih”, mhix realtà storika. Hi realtà preżenti.

Il-kultura ta’ “mhux affarija” hi l-omertà li tagħti l-poter lill-mafja. L-indifferenza hi kompliċità. U meta l-indifferenza tiġi mill-mexxejja tal-komunità bħal mhu Anton Refalo, din tgħin lill-mafja ssaltan. Veru li qed nitkellmu fuq fatti storiċi. Imma d-denunzja ta’ dawn il-fatt trid tkun ħajja llum. “Mhux affarrijja” llum tgħin lill-mafja llum.

Riina qatel u ordna l-qtil ta’ mijiet ta’ persuni, inklużi persuni tal-istat li kien il-mistier tagħhom jiġġieldu għas-sewwa. Li ministru tal-gvern tagħna “ma jafx min hu” Totò Riina hi raġuni biżżejjed biex jitlaq mill-politika u jmur jitgħallem xi ħaġa l-iskola. Qabel jitlaq jekk jogħġbu jippubblika l-kuntratt li bih akkwista d-dar fil-Qala li hi s-suġġett ta’ din l-investigazzjoni ġurnalistika biex noqorbu pass lejn fehma aħjar dwar min kien qed jgħin biex Riina jsib kenn f’pajjiżna.