Repubblika taqsam il-preokupazzjoni tagħha dwar l-attakk gravi fuq id-demokrazija bil-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards mingħajr consensus fil-Parlament.

Dan huwa pass kbir lura u żvilupp inkwetanti ħafna. Issa, il-Prim Ministru Robert Abela biddel ir-regoli biex hu waħdu jagħżel lil min irid jiġġudika l-imġieba tiegħu, ta’ sħabu, tal-Oppożizzjoni u tan-nies f’position of trust.

Quddiem din is-sitwazzjoni, kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu, anke il-persuna li l-Gvern irid li tokkupa din il-pożizzjoni.

Anzi, din il-persuna ġġorr responsabbiltà gravi ħafna.

Din il-persuna għandha tikkonsidra jekk id-deċiżjoni tagħha li taċċetta l-ħatra f’dawn iċ-ċirkostanzi hix tikkontribwixxi biex iddgħajjef il-fiduċja u r-rispett lejn l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards. L-istorja turi li d-demokrazija ma tmutx f’daqqa, imma tinqatel b’feriti matul iż-żmien. Il-ħtif tal-istituzzjonijiet u l-isfiduċja fihom isiru b’diversi mezzi.

Nifirħu u nawguraw ukoll lill-Ombudsman il-ġdid.

Sfortunatment ma nistgħux nifirħu lill-Kummissarju għall-Istandards. Se nibqgħu naħdmu biex il-liġi terġa’ tinbidel u l-ħatra għal din il-pożizzjoni ssir bi qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.