Repubblika tappoġġja t-talba tal-familja ta’ Jean Paul Sofia għal inkjesta indipendenti u pubblika dwar x’wassal għall-mewt tiegħu u ċ-ċirkostanzi kollha tal-mewt ta’ dan iż-żagħżugħ.

Mhux minnu li inkjesta pubblika tfixkel l-inkjesta maġisterjali u lanqas hu minnu li inkjesta maġisterjali hija biżżejjed f’dawn iċ-ċirkostanzi. Dawn l-argumenti kienu użati mill-Gvern ta’ Joseph Muscat meta kien qed jopponi l-inkjesta fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-fatti urew kif l-argumenti tal-Gvern kienu gidba kif ukoll ikkonfermaw l-importanza ta’ inkjesta pubblika u indipendenti.

Il-ħabi huwa l-għadu tas-saltna tad-dritt. Min jabbuża igawdi mill-ħabi tal-verità. Min m’għandux x’jaħbi jifraħ li jsiru l-inkjesti għax b’hekk ikollu ċertifikat ta’ għemilu.

Il-mewt ta’ Jean Paul Sofia hija mdawra b’numru ta’ ċirkostanzi u mistoqsijiet li hemm bżonn li jiġu investigati.

Din il-mewt seħħet fuq art tal-Gvern. Kif sar it-trasferiment tal-art? Il-media irrapurtat persuna qrib uffiċjal għoli ħafna fl-Awtorità tal-Artijiet huwa involut f’dan il-proġett. Rapporti oħra jgħidu li Commencement Notice tax-xogħolijiet ma saritx, avolja din kienet kundizzjoni fil-permess. Għaliex il-Gvern għadu jkaxkar saqajh biex jagħmel reġistru tal-kuntratturi avolja kellna għadd ta’ mwiet u korrimenti?

Dawn u ħafna mistoqsijiet oħra jistgħu ikunu mwieġba biss minn inkjesta pubblika u indipendenti.

Min m’għandux x’jaħbi u jrid li ma jkunx hemm traġedji oħra ifittex il-verità.