16 ta’ Lulju 2021 – Pjazza l-Assedju l-Kbir, Valletta

Mill-2016 ’l hawn, ħafna kliem li rari konna nisimgħuhom, bdejna niltaqgħu magħhom il-ħin kollu.

Minn shell companies għal trusts, minn ħasil ta’ flus għall-Panama Papers, għall-windfarms tal-Montenegro, sal-aħħar frażi li ttimbraw lil pajjiżna biha … ‘grey list’ … il-lista griża tal-mistħija li wikkewna biha Joseph Muscat u Robert Abela.

Kelma li smajna ripetutament, ta’ kuljum, minn kemm ilu isem Malta jissemma’ fil-media internazzjonali għar-raġunjiet il-ħżiena, hija “istituzzjonijiet”.

Lill-istituzzjonijiet semmejniehom aħna li xxukjajna ruħna b’dak li bdejna nsiru nafu u li ridna u għadna rridu bidla fid-direzzjoni. 

Iżda semmewhom ukoll, ripetutament, il-politiċi protagonisti tal-oxxenitajiet li ħammru wiċċ pajjiżna. Dawn il-politiċi użaw l-istituzzjonijiet bħala paraventu … mhux biex issir ġustizzja, iżda biex l-id tal-ġustizzja żgur ma tilħaqhomx.

Taħt Joseph Muscat, u aktar u aktar taħt Robert Abela, ġejna esposti għall-propaganda li għandu jkollna fiduċja għamja fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Riduna bħal dawk it-tliet xadini li waħda tgħatti widnejha, l-oħra tgħatti għajnejha u l-oħra tgħatti ħalqha. 

Wara li ħaslu l-flus, riedu jaħslulna moħħna bil-mantra li aħna obbligati jkollna fiduċja fl-istitutzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Xerrdu l-messaġġ ma’ kull kantuniera ta’ pajjiżna li min juri diffidenza fl-istituzzjonijiet, ikun hu li qed jagħmel xi ħaġa ħażina.

Aħna dejjem sostnejna li l-fiduċja hi xi ħaġa li trid taħdem għaliha. L-istituzzjonijiet tagħna m’għandom l-ebda dritt divin għall-fiduċja tagħna. Anzi, ngħid bla tlaqliq, li bħala ċittadini għandna jkollna rwol ta’ għassiesa fuq min iservi f’karigi pubbliċi .

U allura, nistaqsi: Kemm ħaqqhom fiduċja l-istituzzjonijiet tagħna?

Meta Daphne Caruana Galizia kixfet liċ-chief of staff ta’ Joseph Muscat u lill-ministru Konrad Mizzi, l-istess Joseph Muscat u l-akkolti tiegħu … fosthom il-konsulent Robert Abela …  ħadu ras kulħadd bil-mantra ‘ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu’. 

Illum nafu li fil-verità kienu qed jgħidu ‘ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu għalina’ … fil-verità kienu qed jgħidu ‘ħallu l-istituzzjonijiet reqdin fis-sodda mal-kriminali li suppost kellhom jinvestigaw’.

Riduna nkunu bħat-tliet xadini waqt li persuni qrib tagħhom ippjanaw u qatlu ġurnalista.

Riduna nkunu torox, għamja u siekta quddiem dan kollu.

Riduna jkollna fiduċja għamja, truxa u siekta f’nies li llum nafu li kienu biċċa waħda mal-kriminali … biċċa waħda mal-qattiela.

U allura, le, aħna ma nafdawx bl-addoċċ.

Aħna nies, mhux xadini. Aħna nies li għandna l-widnejn biex nisimgħu. Aħna nies li għandna l-għajnejn biex naraw. Aħna nies li għandna fomm biex nitkellmu. U tkellimna … u qed nitkellmu … u jrid jew ma jridx Robert Abela, se nibqgħu nitkellmu.

Fejn naraw is-sewwa ngħidu u ser nibqgħu ngħidu li hu sewwa, għax aħna mhux inkissru rridu, iżda nibnu.

Hekk għamilna, per eżempju, meta ġie magħżul il-Prim Imħallef preżenti. Hekk għamilna meta bdew jiġu appuntati imħallfin u maġistrati b’sistema ħielsa mil-kontroll tal-politiċi … sistema li ġġilidna għaliha aħna fil-Qrati Maltin u fil-Qorti Ewropea.

Aħna nitkellmu għas-serjetà … Serjetà li narawha f’persuni li minn żmien għal żmien servew bħala Ombudsman, u issa fil-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Serjetà, li b’dispjaċir ngħid, m’aħniex naraw fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija. Jekk hawn istituzzjoni f’pajjiżna li iddeludiet lill-Poplu Malti għal darba wara oħra, bla dubju din hija l-Korp tal-Pulizija.

Ngħid mill-ewwel li hawn mhux qed nirreferi għall-mijiet ta’ membri tal-Korp li ta’ kuljum jaqdu dmirhom b’dinjita’ u b’impenn kbir.

Qed nirreferi għat-tmexxija tal-korp: għall-kummissarji li kellna u għal dawk ta’ madwarhom.

Minn Kummissarju tal-Pulizija meqjus minn kulħadd bħala simbolu tas-serjetà u l-onestà – is-Sur John Rizzo – għaddejna għal farsa ta’ persuni li fil-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija u fir-ranks għoljin ta’ taħtu raw biss opportunità biex iservu lill-partit fil-gvern u jgħattulu fejn hemm bżonn.

L-attitudni ta’ dawn l-uffiċjali tal-pulizija għamlitha possibbli li f’Malta tiżviluppa – aktar minn qatt qabel – klassi ta’ persuni li ma jista’ għalihom ħadd … l-UNTOUCHABLES … is-swaba tal-qarnita mafjuża.

U ħa nagħmilha ċara li mhux se niddejqu nsemmu min huma dawn in-nies. Qed ngħid għalikom John Dalli, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Edward Scicluna, Chris Cardona, Silvio Valletta, Lawrence Cutajar, Joseph Muscat, l-Apap Bolognas, il-Gasanijiet, Joseph Cuschieri, Carmelo Abela, Johann Buttigieg, Edwina Licari, Heathcliff Farrugia, Rosianne Cutajar, il-kriminali tal-Pilatus Bank, u ħafna oħrajn.

Meta laħaq prim ministru, Robert Abela għażel lil Angelo Gafa’ għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

M’għandniex xi ngħidu, is-Sur Gafa’ għandu immaġini ferm aħjar minn ta’ qablu. Però aħna mhux wiċċ isbaħ u manjieri aħjar biss irridu mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija.

Issa għaddiet sena minn meta s-Sur Gafa’ laħaq Kummissarju. F’dawn il-jiem spiċċatlu l-probation.

Tajjeb għalhekk li nibdew niġbdu l-konklużjonijiet tagħna fir-rigward tax-xogħol imwettaq mill-Korp taħt it-tmexxija tiegħu.

Il-fatt hu li Angelo Gafa’ ma sarx Kummissarju fi żmien kwalunkwe. Sar Kummissarju meta l-Korp tal-Pulizija kien sar – u hekk għadu – għodda ta’ impunità … b’Kummissarju jaħbi r-rapport tal-FIAU fuq politiċi …… bid-Deputat Kummussarju Silvio Valletta jitħabbeb ma’ dak li allegatament ordna l-qtil ta’ ġurnalista … b’Deputat Kummissarju jgħid lill-membri tal-korp biex jivvutaw lill-Partit Laburista … b’uffiċjali għolja oħra tal-Korp jinfurmaw lill-qattiela ta’ ġurnalista bid-dettalji ta’ meta kienu se jiġu arrestati.

U x’qed jagħmel is-Sur Gafa’ quddiem dan kollu? Milli qed naraw quddiem għajnejna, Angelo Gafa’ intefa’ b’ruħu u b’ġismu fuq eżerċizzju ta’ re-branding tal-Korp.

Fih innifsu dan ma fih xejn ħażin, ħlief għall-fatt li hu evidenti li filwaqt li l-prodott mogħti mill-Korp qed jiġi imgeżwer f’pakkett isbaħ, il-prodott għadu l-istess bħalma kien fi żmien kummissarji oħra.

Il-prodott għadu dak tal-impunità għal dawk fil-poter politiku u finanzjarju ta’ pajjiżna.

Aħna ftit li xejn jinteressana kif jiġi imgeżwer il-prodott … ftit li xejn jinteressana mill-eżerċizzju ta’ re-branding ta’ Angelo Gafa’ … aħna niġġudikaw biss fuq ir-riżultati.

U riżultati mingħand il-Kummissarju Gafa’ s’issa mhux qed naraw.

Huwa minnu li f’dawn l-aħħar xhur kellna bidu ta’ prosekuzzjonijiet importanti … dawk ta’ Keith Schembri u persuni oħra li kienu ilhom jissemmew fl-aħbarijiet għar-raġunijiet il-ħżiena.

Dan kien pass fid-direzzjoni t-tajba u jien kont minn tal-ewwel li faħħartu u enfasizzajt l-importanza tiegħu. Iżda kif wasalna għal dawk il-prosekuzzjonijiet?

Il-verità hi li dan il-bidu ta’ prosekuzzjonijiet huma l-frott ta’ uħud mill-inkjesti maġisterjali mitluba minn Simon Busuttil … dawk li Joseph Muscat u Robert Abela ma ridux u li għamlu minn kollox biex iwaqqfu.

Għamel sew il-Korp tal-Pulizija li beda dawn il-prosekuzzjonijiet, iżda ejjew ngħiduha kif inhi: ma kellux triq oħra quddiemu.

U anke fil-konfront ta’ Keith Schembri, wieħed ma jistax ma jinnutax li r-reati li hu akkużat bihom huma reati allegatament imwettqa meta ma kienx għadu daħal fil-kmamar tal-poter.

U allura bilfors wieħed irid ifakkar li anke taħt dan il-Kummissarju għadna nżommu r-rekord dinji tal-pajjiż fejn il-politiċi huma UNTOUCHABLES.

Il-politiċi korrotti u dawk ta’ madwarhom għadhom moħħhom mistrieħ li l-ebda livell ta’ korruzzjoni u kriminalità oħra mhi se twassalhom biex iqattgħu imqar siegħa l-ħabs.

Il-verità hi waħda u ċara għal kulħadd: taħt Robert Abela u Angelo Gafa’ baqgħat tirrenja l-impunità. 

Robert Abela jista’ jibqa’ jkanta d-diska tal-kontinwità għax Angelo Gafa’ għadu ma ressaq lil ħadd quddiem il-ġustizzja biex iwieġeb għall-oxxenitajiet li saru taħt, bl-involviment u bil-protezzjoni ta’ Joseph Muscat.

Lill-Kummissarju Gafa’ infakkru wkoll li l-istorja tal-Korp tal-Pulizija ma bdietx meta hu poġġa fuq is-siġġu ta’ Kummissarju.

Hu obbligat li jinvestiga attivament u jieħu azzjoni kontra l-uffiċċjali tal-Pulizija li matul is-snin minflok wettqu dmirhom lejn il-Poplu Malti daħlu kompliċi mal-kriminali.

Għandha tkun stabbilita l-verità kollha fuq din l-infiltrazzjoni tal-kriminalità fil-Korp tal-Pulizija. Għandha ssir apoloġija mill-Korp tal-Pulizija għal dawn in-nuqqsijiet. U fuq kollox, min abbuża għandu jitressaq bla aktar dewmien quddiem il-ġustizzja.

Mingħajr dan it-tindif, il-Korp tal-Pulizija ma jista’ qatt jirrijabilita ruħu u jkun f’posizzjoni li jaqdi l-missjoni tiegħu.

Sur Gafa’, jekk inti ma tirrikonoxxix pubblikament il-ħażin li sar minn dawk li mexxew il-korp f’dawn l-aħħar snin, sinjal li dawk l-abbużi lilek ma dejqukx bħal ma dejqu lilna.

Sur Kummissarju, ħallik mill-image u ibda aħseb fuq il-prosekuzzjonijiet. Poġġi r-re-branding fil-ġenb, u ibda agħtina rendikont ċar ta’ x’sar – u x’ma sarx – mill-predeċessuri tiegħek mill-uffiċċju li llum hu okkupat minnek u x’ser tagħmel int fil-konkret biex tirrimedja għal dawk in-nuqqasijiet u abbużi.

F’dawn is-sigħat sar magħruf li l-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphna Caruana Galizia ikkonkluda xogħlu u bagħat ir-rapport tiegħu lill-Prim Ministru.

L-ewwel obbligu tal-Prim Ministru appena jirċievi dan ir-rapport huwa li jippublikah immedjatament u b’mod sħiħ.

Il-poplu Malti għandu dritt ikun jaf jekk l-Istat ta’ Malta jġorrx xi responsabiltà fil-qtil ta’ din il-ġurnalista. Għandna dritt inkunu nafu x’instab li hemm imnawwar fl-istituzzjonijiet tagħna u jekk dawn humiex korrotti.

U daqstant ieħor hu essenzjali li fuq il-konklużjonijiet tar-rapport tittieħed azzjoni soda u deċiżiva.  

Malta jixirqilha aħjar. Aħna jixirqilna aħjar. U nassigurakom li l-ħidma tagħna se tkompli bla heda sakemm naslu.

Grazzi ħafna.