Repubblika mistagħġba b’kemm jidher li l-awtoritajiet qed isibuha bi tqila jitolbu inkjesta maġisterjali dwar ir-rapporti li Adrian Agius instab fil-pussess ta’ laptop b’aċċess għall-internet ġewwa l-ħabs.

Inkjesta amministrattiva tista’ tistabbilixxi jekk inkisrux ir-regoli tal-ħabs u min kien responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ superviżjoni. Iżda inkjesta amministrattiva mhijiex investigazzjoni kriminali. L-evidenza miġbura permezz ta’ tali proċess ma tistax, waħedha, tifforma l-bażi ta’ prosekuzzjoni kriminali.

Jekk hemm raġuni biex wieħed jissuspetta li setgħu twettqu reati kriminali, il-liġi tipprovdi mekkaniżmu speċifiku biex tinġabar u tiġi ppreservata l-evidenza għall-użu quddiem il-qrati. Dak il-mekkaniżmu huwa l-inkjesta maġisterjali. Hija biss evidenza miġbura permezz tal-proċess ta’ investigazzjoni kriminali, taħt is-superviżjoni ta’ maġistrat inkwirenti u bl-assistenza ta’ esperti maħtura mill-qorti, li tista’ tiġi ppreservata kif suppost u ppreżentata fi proċeduri kriminali eventwali.

Ma nafux għal xiex intuża l-laptop jew il-konnessjoni tal-internet. Il-pubbliku mhuwiex f’pożizzjoni li jkun jaf. Iżda nafu min hu Adrian Agius. Qed jiskonta sentenza ta’ għomru l-ħabs għar-rwol tiegħu fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u fil-qtil ta’ Carmel Chircop. Għal snin twal kien identifikat mill-investigaturi bħala figura ċentrali f’attivitajiet ta’ kriminalità organizzata.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa biss prudenti li wieħed jipproċedi fuq il-preżunzjoni li apparat li jagħmilha possibbli li ssir komunikazzjoni esterna seta’ ntuża għal skopijiet kriminali, sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor. Il-possibbiltà li l-apparat fih evidenza rilevanti għal attività kriminali fil-passat, fil-preżent jew fil-futur ma tistax tiġi injorata.

L-awtoritajiet għandhom jieħdu azzjoni proporzjonata mal-gravità tas-sitwazzjoni. Kull ġurnata li tgħaddi mingħajr ma l-evidenza potenzjali tiġi ppreservata u eżaminata permezz tal-proċeduri ġudizzjarji xierqa żżid ir-riskju li tintilef evidenza jew li tkun kompromessa kwalunkwe prosekuzzjoni futura.

Il-pubbliku għandu dritt ikun jaf mhux biss kif seta’ seħħ dan il-każ, iżda wkoll għal xiex intuża l-laptop.

L-insistenza li wieħed jistrieħ biss fuq inkjesta amministrattiva interna toħloq l-impressjoni li l-awtoritajiet huma aktar interessati jillimitaw l-ħsara politika li tista’ ssirilhom milli jistabbilixxu l-verità kollha. Nibżgħu li opportunità qed tintilef opportunità biex tinġabar u tiġi ppreservata evidenza importanti, u nħeġġu lill-awtoritajiet jaġixxu immedjatament.

Anke jekk l-eżami forensiku tal-laptop eventwalment juri li ma ntużax għal skopijiet kriminali, dik hija konklużjoni li għandha tintlaħaq permezz ta’ investigazzjoni ġudizzjarja indipendenti u mhux permezz ta’ proċess amministrattiv intern.