Fl-aħħar ġimgħat, wara l-elezzjoni ġenerali, rajna kampanja kważi ta’ kuljum fil-midja tal-Partit Laburista mmirata kontra attivisti tas-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet mhux governattivi u persuni li jesprimu opinjonijiet kritiċi dwar il-Gvern.

Din mhix l-ewwel darba li ġara dan. Iżda hemm differenza importanti. Din id-darba jidher li qed isir tentattiv sistematiku biex il-vuċijiet kritiċi jiġu mhux biss ikkritikati jew miċħuda, iżda deumanizzati, ridikolati u ppreżentati bħala għedewwa tal-pajjiż.

Gruppi li jiddikjaraw lealtà lejn il-Partit Laburista issa qed joħolqu ritratti bl-intelliġenza artifiċjali biex jiġu umiljati individwi inkluż Robert Aquilina, Jason Azzopardi, Vicki Ann Cremona , Manuel Delia, Ranier Fsadni u Kevin Cassar fost oħrajn. Dawn l-istampi huma eku tad-diskors tal-midja uffiċjali tal-Partit Laburista li jattribwixxu lill-istess individwi kliem li qatt ma qalu. Rajna rappreżentazzjonijiet deliberatament qarrieqa tal-pożizzjonijiet tagħhom. Rajna wkoll kampanji koordinati fuq il-midja soċjali li jqanqlu attakki personali u mibegħda.

Dan kollu qed iseħħ fi żmien meta Malta se terġa’ tiffaċċja mistoqsijiet diffiċli dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u dwar il-ħtieġa li ssir ġustizzja sħiħa. Hija realtà li ma nistgħux ninjoraw li ħafna minn dawk li llum qed jiġu attakkati huma l-istess persuni u organizzazzjonijiet li għal snin sħaħ insistew li l-verità dwar dan il-qtil għandha toħroġ kollha u li kull min kien responsabbli għandu jwieġeb għal għemilu.

Niftakru sew kif kienet ġiet trattata Daphne Caruana Galizia meta kienet ħajja. Kien hemm min ipprova jiskreditaha, jiżżuffjettaha, jiżolaha u jneħħilha d-dinjità tagħha. Dawk il-metodi ma spiċċawx magħha. Illum qed naraw l-istess kultura ta’ mibegħda u intimidazzjoni tintuża kontra oħrajn.

Iżda jekk hemm lezzjoni li ħallewlna kemm Daphne kif ukoll l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar disa’ snin, hija li l-intimidazzjoni ma tirbaħx. Repubblika ġiet iddikjarata mejta ħafna drabi. Ġie mbassar li ċ-ċittadini li jqumu kontra l-abbuż tal-poter kienu se jisparixxu. Dan ma seħħx.

F’demokrazija, il-leġittimità ta’ vuċi ma tiddependix fuq kemm għandha nies warajha. Ma teżistix regola li tgħid li min jirbaħ elezzjoni għandu d-dritt li jsikket lill-kritiċi tiegħu. Maġġoranza parlamentari hija mandat biex wieħed jiggverna, mhux li jneħħi mill-ispazju pubbliku lil min ma jaqbilx miegħu.

Huwa proprju meta partit ikun qawwi li għandu l-akbar responsabbiltà li jeżerċita l-poter tiegħu b’rażan u b’rispett lejn id-diversità tal-opinjonijiet. Gvern li jemmen fih innifsu ma jibżax mill-kritika. Gvern li jafda fil-poplu tiegħu ma jippruvax isikket lil dawk li jistaqsu mistoqsijiet.

Din il-kampanja qed isseħħ ukoll fl-istess waqt li l-Gvern qed jipprepara liġi ġdida dwar l-organizzazzjonijiet volontarji. Li organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jitolbu jaraw il-kontenut ta’ liġi li se taffettwahom direttament mhuwiex att ta’ sfida. Huwa l-aktar aspett bażiku ta’ konsultazzjoni demokratika. Li dawn it-talbiet jiġu ppreżentati bħala xi forma ta’ eċċess jew insolenza huwa sinjal inkwetanti.

Repubblika ma għandhiex l-intenzjoni li tirtira jew li trażżan leħinha. Lanqas m’aħna se nwieġbu għall-mibegħda bil-mibegħda.

Minflok, inġeddu s-solidarjetà tagħna ma’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, ma’ ġurnalisti, ma’ attivisti u maċ-ċittadini kollha li jemmnu li d-demokrazija għandha bżonn aktar vuċijiet u mhux inqas.

Is-soċjetà ċivili mhijiex partit politiku u lanqas ma teżisti biex tieħu post il-partiti politiċi. Ir-rwol tagħha huwa differenti. Hija teżisti biex tagħti vuċi liċ-ċittadini, biex tisfida l-abbuż tal-poter fejn iseħħ, biex titlob kontabilità mingħand min jiggverna u biex tħares il-prinċipji demokratiċi li għandhom ikunu ta’ kulħadd, irrispettivament minn liema partit ikun fil-Gvern.

Il-vjolenza psikoloġika, l-abbuż u l-intimidazzjoni jistgħu joħolqu ħafna storbju. Iżda l-istorbju ma jdumx għal dejjem. Dak li jibqa’ huwa l-impenn taċ-ċittadini li jemmnu li l-libertà, il-ġustizzja, il-verità u l-kontabilità huma essenzjali għall-ħajja demokratika.

Aħna se nibqgħu nagħmlu dan ix-xogħol. Għax nemmnu fih. Għax nafu li huwa meħtieġ. U għax Malta għandha bżonn soċjetà ċivili ħielsa, kuraġġuża u indipendenti li ma tħallix il-biża’, il-mibegħda jew il-poter isikktuha.