Repubblika tinsab imħassba bir-rapporti li Adrian Agius, li qed jiskonta sentenza ta’ għomru l-ħabs għar-rwol tiegħu fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u fil-qtil ta’ Carmel Chircop, instab fil-pussess ta’ laptop b’aċċess għall-internet ġewwa l-ħabs.

Jekk dawn ir-rapporti huma minnhom, qed nitkellmu dwar sitwazzjoni gravissima. Persuna kkundannata għal wieħed mill-aktar delitti serji fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna jidher li kellha aċċess għal mezzi ta’ komunikazzjoni u għal privileġġi li qatt ma kellhom ikunu possibbli f’faċilità korrettiva sigura.

Il-pubbliku għandu dritt ikun jaf kif seta’ seħħ dan il-każ, min ippermettih, min falla milli jipprevenih, u jekk twettqux reati kriminali biex din is-sitwazzjoni setgħet isseħħ u tibqa’ għaddejja.

Għalhekk, inkjesta interna mhijiex biżżejjed.

Il-kwistjoni mhijiex biss jekk inkisrux regoli jew proċeduri amministrattivi tal-ħabs. Jeżistu raġunijiet serji biex wieħed jistaqsi jekk twettqux reati kriminali. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-każ għandu jkun investigat minn awtoritajiet indipendenti li għandhom il-poter jiġbru l-provi, jidentifikaw lil min hu responsabbli u jieħdu l-passi meħtieġa quddiem il-ġustizzja.

Ir-risposta tal-awtoritajiet ma tistax tieqaf ma’ eżerċizzju intern li jirriskja li jidher aktar bħala tentattiv biex jiġi mmaniġġjat l-imbarazz politiku milli biex tinstab il-verità kollha.

Hemm ukoll ironija morra f’dan kollu.

Il-Ministru responsabbli mill-pulizija u mill-ħabsijiet illum huwa Glenn Bedingfield. Għal snin twal, meta ġurnalisti, investigaturi u ċittadini kienu qed jitolbu verità u ġustizzja għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Glenn Bedingfield kien iwaqqa’ għaċ-ċajt dawk l-isforzi bil-mistoqsija tiegħu: “Fejn hu l-laptop?” Ir-risposta għall-inkejja tiegħu hija waħda li ftit kienu jistennewha.

Il-pajjiż jistħoqqlu aktar minn inkjesta interna. Il-pajjiż jistħoqqlu investigazzjoni kriminali sħiħa, indipendenti u trasparenti.