Repubblika tinnota r-rappurtaġġ riċenti tal-ġbir ta’ fondi u l-finanzjament tal-partiti politiċi, li għal darb’oħra turi kemm hu folt iċ-ċpar ta’ madwar il-finanzjament privat tal-partiti politiċi Maltin.

Nibqgħu ninsistu li n-nuqqas ta’ trasparenza u regolamentazzjoni effettiva tal-finanzjament tal-partiti hu wieħed mill-ħoloq l-aktar dgħajfin tad-demokrazija tagħna u l-aktar sors probabbli tal-koruzzjoni tas-sistema politika tagħna.

Minkejja l-avviżi ripetuti tas-soċjetà ċivili, ta’ korpi internazzjonali, u tal-esperjenza kollettiva ta’ skandli ta’ korruzzjoni, il-komunità politika qed b’ras iebsa tirrifjuta li tindirizza din il-kwistjoni b’regoli ġodda għall-finanzjament tal-partiti u, importanti ferm ukoll, l-infurzar indipendenti tal-istess. Din in-nuqqas ta’ rieda turi li l-partiti huma komdi bl-arranġamenti preżenti.

Meta individwi fil-beraħ u bi kburija jiddikjaraw li organizzaw donazzjonijiet ta’ għexieren ta’ eluf għall-partiti politiċi, il-pubbliku jitħalla b’ħafna mistoqsijiet. Il-partiti politiċi huma lieri jitolbu u jirċievu donazzjonijiet privati kbar mingħajr obbligu li jikxfu minn fejn ġew, u fl-istess ħin jippreżentaw lilhom infushom bħala lesti jiggvernaw u jieħdu deċiżjonijiet li jolqtu liċ-ċittadini kollha – mhux biss lil dawk li tawhom id-donazzjonijiet.

Din hi sitwazzjoni fundamentalment mhux demokratika.

Il-partiti politiċi mhumiex każini privati. Huma istituzzjonijiet essenzjali għall-ħajja demokratika, li jeżerċitaw influwenza kbira fuq il-politika pubblika, il-ħatriet pubbliċi, u t-tqassim tar-riżorsi pubbliċi. Jekk inħalluhom joperaw moħbija wara ħajt ta’ segretezza finanzjajra nherru l-fiduċja pubblika u noħolqu art għammiela għall-kunflitti ta’ interess, għal influwenza qarrieqa, u għall-koruzzjoni.

Repubblika allura ttenni s-sejħa tagħha għal riform urġenti, inklużi:

•⁠ ⁠Li jiddaħħal finanzjament pubbliku adegwat għall-partiti politiċi b’regoli stretti ta’ trasparenza u kontabilità;
•⁠ ⁠Li ma jitħallewx isiru donazzjonijiet privati minn individwi jew entitajiet li huma jew huma raġjonevolment mistennija li jkun impjegati jew b’xi mod imqabba mill-gvern jew l-awtoritajiet pubbliċi;
•⁠ ⁠Li r-regoli ta’ trasparenza u kontabilità li jgħoddu għall-partiti politiċi jkunu jgħoddu wkoll għall-entitajiet li huma propjetà jew taħt il-kontroll tal-partiti politiċi;
•⁠ ⁠Li jinħolqu strutturi sodi u indipendenza li jgħassu l-finanzi tal-partiti u li r-regoli jiġu infurzati.

Sakemm il-partiti politiċi ma jibdewx jitqiesu obbligati jsegwu l-istess standards ta’ trasparenza u integrità li huma jippretendu minn ħaddieħor, is-sistema demokratika Maltija se tibqa’ vunnerabbli. Il-falliment persistenti li nindirizzaw din ir-realtà mhux kumbinazzjoni: din hi għażla politika li għandha konsegwenzi serji għas-saltna tad-dritt u l-fiduċja pubblika.