Repubblika tinnota bi tħassib id-deċiżjoni riċenti tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, li skont ir-regoli eżistenti, il-Membri tal-Parlament mhuma taħt ebda obbligu formali li jgħidu l-verità fid-diskors pubbliku tagħhom. Din l-interpretazzjoni tiġi biss mill-fatt li l-kodiċi tal-etika tal-ministri jinkludi espressament l-obbligu tal-onestà, iżda l-kodiċi tal-etika tal-Membri tal-Parlament ma fihx l-istess obbligu.

Naffermaw li l-imġieba etika fil-ħajja pubbliku għandha tissejjes fuq aktar minn definizzjonijiet tekniċi miktuba fuq il-karta Fil-qalba ta’ kull kodiċi ta’ etika – jekk hux għall-ministri, għad-Deputati, jew għal persuni ta’ fiduċja – għandu jkun hemm impenn bla tlaqliq għall-verità, it-trasparenza, il-kontabilità, u r-rispett lejn l-interess pubbliku. Ħajja pubblika etika teħtieġ lealtà lejn is-sewwa: miżinformazzjoni mogħtija xjentement jew bi traskuraġni minn persuni f’pożizzjonijiet ta’ fiduċja pubblika jherru d-demokrazija u l-fiduċja tal-pubbliku.

L-etika ma tistax tiġi inforzata bħal kull teknikalità legali oħra f’qorti. Jekk il-kodiċijiet tal-etika jaħdmu biss meta wieħed isib x’jaqbad ma’ interpretazzjonijiet literrali ta’ kodiċijiet miktuba, ir-riskju jkun li nirriduċu l-istandards għal kaċċa għall-eċċezzjonijiet, minflok qafas ta’ prinċipji li jiggwidaw l-imġieba. Jekk l-etika ma titlobx aktar mill-minimu meħtieġ biex ma tinkisirx il-liġi, nistgħu ninqdew bil-qrati li għandna diġà. Neħtieġu kultura ta’ integrità fil-ħajja pubblika mibnija fuq l-aspettativa raġjonevoli tal-pubbliku Malti li dawk li jeleġġu jaqduhom billi jfittxu dejjem il-verità u ma jgħidulhom xejn li jiżgwidahom.

Din id-deċiżjoni turi kemm hu defiċjenti l-qafas etiku li għandna. Jagħmilha ċara kemm hu urġenti li mhux biss naġġornaw il-Kodiċi tal-Etika tal-Membri tal-Parlament, imma li ndaħħlu obbligi ċari li jirrifletti n-normi fundamentali tal-ħajja pubblika f’demokrazija, inklużi l-verità, l-onestà fil-komunikazzjoni pubblika, u l-kontabilità għal min jimmiżinforma.

Repubblika ttenni li l-istandards etiċi m’għandhomx jitkejjlu biss b’interpretazzjoni dejqa ta’ dak li hu miktub, imma b’nornmi ta’ mġieba li kull ċittadin għandu dritt b’mod raġjonevoli jippretendi minn dawk li għandhom pożizzjoni pubblika. Ir-rwol tal-istituzzjonijiet t’integrità u tal-kodiċi tal-imġieba biex li jsibu skużi tekniċi, imma li jassiguraw li l-uffiċjali pubbliċi jaġixxu b’onestà, responsabbiltà u rispett għall-fiduċja demokratika li ngħatatilhom.