Għadna kemm assistejna għal tentattiv patetiku tal-Kummissarju tal-Pulizija fuq il-program ta’ Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart biex ifarfar ir-responsabbilità dwar l-iskandlu tal-Pilatus Bank fuq l-Avukat Ġenerali.

Angelo Gafa’, Alexandra Mamo u Victoria Buttigieg spiċċaw iwaħħlu f’xulxin għal din l-oxxenita’.

Bi kliemu Angelo Gafa’ ikkonferma dak li żvela l-President ta’ Repubblika Robert Aquilina waqt id-dimostrazzjoni ta’ ġimgħatejn ilu, jiġifieri li l-Avukat Ġenerali ffirmat dokument li qed jinżamm moħbi u permezz tiegħu ordnat li tnejn mill-briganti tal-Bank Pilatus ma jitressqux il-Qorti.

Issa tard wisq biex Angelo Gafa’ jwaħħal f’ħaddieħor. Hu kompliċi f’attentat biex fuq dan il-każ kriminali ma titwettaqx ġustizzja. Nafu sew x’inhi r-responsabbilita’ tiegħu, bħal ma nafu x’inhuma r-responsabbilitajiet ta’ Alexandra Mamo u ta’ Victoria Buttigieg.

Aħna dejjem għidna l-verita’.

Ser nibqgħu ninsistu fil-Qrati u fit-toroq li ssir ġustizzja.

Se naslu.


Kopja awtentika ta’ estratt mill-Inkjesta Maġisterjali fejn il-Kummissarju tal-Pulizija flimkien mal-Avukat Ġenerali ġew ordnati jniedu proċeduri kriminali kontra l-Bank Pilatus, kontra l-propjetarju, u kontra ħames uffiċjali tal-istess bank
Id-diskors ta’ Robert Aquilina fil-protesta ta’ Repubblika li saret fit-23 ta’ Ottubru fejn żvela l-ordni tal-Avukat Ġenerali biex żewġ persuni minn dawk imsemmija fl-Inkjesta Maġisterjali ma jitressqux il-qorti