Issa daqshekk. Ma rridux lil mafia tal-flus u l-interessi tikkontrolla lil Malta.

Ġimgħat ilu tlabna li jinħatar Joint Investigating Team bejn il-Europol u l-Pulizija Maltija. L-awtoritajiet Maltin għamlu dak li kapaċi jagħmlu ħafna, jiġifieri m’għamlu xejn.

Repubblika qed terġa ttenni din it-talba b’aktar saħħa. Prim Ministru, Avukat Ġenerali, aħtru Joint Investigating Team biex tinvestiga, tikxef u tressaq quddiem il-ġustizzja lill-mafia li qed toħnoq lil Malta.

L-istorja ta’ pajjiżna nafuha: kellna lil Nardu Debono li nqatel u l-Pulizja qalet li ħarab mid-Depot; kellna lil Wilfred Cardona li nqatel u l-Pulizija qalet li kien iħabbat rasu mal-mejda minħabba inkwiet familjari; kellna lil Lino Cauchi li nqatel u l-familja tiegħu tgħid li nqatel biex ma jikxifx il-ħmieġ; kellna l-mewt stramba ta’ Ġanni Psaila li l-Pulizija qalet saret waqt serqa.

Kellna wkoll il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ma rridux aktar qtil. Aħna determinati li ssir ġustizzja. Aħna mhux ser nieqfu qabel toħroġ il-verità.