Mehmuża ssibu ittra li Repubblika bagħtet permezz ta’ l-avukati li qed jassistuha lill-Avukat Ġenerali.
Fiha qed nitolbu lill-Avukat Ġenerali biex jibgħat lura r-rapport tal-Maġistrat Joe Mifsud dwar l-inkjesta li għamel dwar il-Massakru tal-Għid meta mietu fl-ibħra ta’ responsabbiltà Maltija 12-il persuna u ħafna oħrajn intbagħtu illegalment lura lejn il-Libja.
Dan minħabba li r-rapport t’inkjesta fih ħafna nuqqasijiet inkluż l-esklużjoni ta’ xhieda importanti li ġabar il-Maġistrat iżda li skarta għal kollox.
Qed nitolbu li tiġi inkluża u pubblikata x-xhieda li taw 66 persuna li kienu abbord dgħajsa li ddaħlet Malta f’dik il-ġimgħa t’April. U li tiġi inkluża wkoll ix-xhieda ta’ Neville Gafà u tal-kap tas-segretarjat tal-prim ministru Clyde Caruana li tħallew barra mir-rapport. Il-komunikazzjoni ta’ bejn dawn it-tnejn ġiet eskluża mir-rapport tal-inkjesta minkejja li din l-evidenza tista’ tikkonferma jekk kienx Robert Abela jew uffiċjal tiegħu li ordna pushback illegali bi ksur tal-liġi internazzjonali.
Barra minhekk Repubblika ssostni li ma kienx sew li l-inkjesta m’għamlet l-ebda attentat li tisma’ x-xhieda ta’ 51 migrant li raw 12-il persuna jmutu quddiem għajnejhom. Iċ-ċirkostanzi u l-ħin tal-mewt ta’ dawn it-12 huma kruċjali biex issir magħrufa l-verità dwar x’ġara. Mingħajr verità ma jistax ikun hemm ġustizzja.
F’aktar minn 400 paġna tal-inkjesta, l-ismijiet tal-vittmi tal-Massakkru tal-Għid jissemmew biss fir-riproduzzjoni tad-denunzja li għamlet Repubblika u f’rikors tal-qraba ta’ tnejn mill-vittmi. Liema rikors il-Maġistrat injora għal kollox.
Il-fatt li l-inkjesta lanqas biss issemmi b’isimhom lil Omar, Mogos, Hzqiel, Hdru, Huruy, Teklay, Nohom, Kidus, Debesay, u t-tlett irġiel li kien jisimhom Filmon jindika li l-inkjesta ma fittitx li troddilhom ġustizzja. Dawn huma persuni li ċċaħditilhom id-dinjità umana tagħhom tul l-għomor qasir tagħhom. Lanqas ħaġa li setgħet tagħmel l-inkjesta Maġisterjali hi li ttihom id-dinjità umana, tarafhom bħala persuni b’isem u trendilhom wara mewthom il-ġustizzja li ċċaħditilhom f’ħajjithom.
Minflok l-inkjesta maġisterjali fittxet li f’anqas minn erba’ ġimgħat tassolvi lill-Prim Ministru Robert Abela mir-responsabbiltà tal-konsegwenzi mortali tad-deċiżjonijiet li ħa.
Kulħadd ħaqqu ġustizzja u l-Avukat Ġenerali u l-Maġistrat tal-Għassa, l-istess bħall-Pulizija, huma responsabbli li kull meta xi ħadd imut qabel żmienu, il-fatti jiġu stabbiliti, anke meta dawk il-fatti jkunu skomdi għall-gvern jew min imexxih.