Nixtieq f’ismi u f’isem Repubblika illum nibgħat messaġġ lill-Prim Ministru Robert Abela. Naħseb li qed nitkellem f’isem is-soċjetà ċivili u f’isem in-nies kollha ta’ rieda tajba.

Kif kien meħtieġ minna f’dawn l-aħħar għaxar xhur qagħdna lura minn manifestazzjonijiet pubbliċi u protesti. Il-gvern m’għandux jitfixkel l-impenn tagħna li nieħdu ħsieb xulxin ma’ xi tnaqqis fir-rabja tagħna għall-kondotta tal-gvern tiegħu.

Illum, 38 xhar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kienet tkun okkażjoni propizja għall-protesta. Għax daqs kemm 38 xahar ilu konna rrabbjati minħabba li l-gvern kien jaħdem biex tinħeba l-verità hekk aħna rrabjati llum.

Għamilna tlett snin nissaraw taħt il-prinċipju li ma jkun hemm ebda ġustizzja jekk ma ssirx ukoll bidla. U b’bidla ma konniex nifhmu li l-prim ministru flok jaħkem minn Kastilja, jibda jaħkem b’id ħaddieħor minn Burmarrad.

B’bidla nfissru li jkun hawn separazzjoni vera tal-poteri; ġudikatura u parlament indipendenti mill-gvern; istituzzjonijiet li jaħdmu u pajjiż fejn issaltan il-liġi. Għax jekk issaltan il-liġi ma jibqax bżonn protesti; jekk issaltan il-liġi ma jinqatlux ġurnalisti. Għax min jagħmel ħażin u jikxfuh il-ġurnalisti, jieħu li ħaqqu.

Wara tlett snin nissaraw, il-bieraħ Robert Abela ħareġ jhedded tlett imħallfin għax ma obdewx l-editt tiegħu. Minflok jobdu l-liġi, riedhom jobdu lilu. Minflok ifittxu l-verità dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, riedhom jisktu u jmorru d-dar.

Qed navżaw lill-gvern iżomm idejh. Meta l-gvern jhedded lill-ġurnalisti, noħorġu fit-toroq. Meta l-gvern jheddedd lill-imħallfin, noħorġu fit-toroq ukoll. Hu d-dmir tagħna li naraw li kull min jaqdi lill-pajjiż b’kuxjenza, ma jkunx mgħaffeġ mit-tirrannija ta’ kriminali li qatlet lil Daphne.

Mela qed navżaw lil Robert Abela: meta jaħdmu, ħalli ‘l-istituzzjonijiet jaħdmu; ħalli l-verità ssir magħrufa; ħalli ‘l-ġustizzja ssir. Jekk tipprova twaqqafha se ssibna niqfulek. Bħal Daphne Caruana Galizia, u bħall-ftit qaddejja pubbliċi ta’ kuxjena li għad baqa’, m’aħniex se ninsew dmirna għax Robert Abela hekk irid.

Tant, prim ministru, biex tkun avżat.