Repubblika tinnota b’dispjaċir id-deċiżjoni tal-Qorti llum li tiċħad il-kawża ta’ libell li għamlet l-attivista ta’ #occupyjustice u membru tal-kumitat ta’ Repubblika, Pia Zammit.

Repubblika temmen bis-sħiħ fil-libertà tal-espressjoni u speċjalment fil-libertà ta’ min irid jikkritika lill-persuni pubbliċi. Iżda Repubblika hi mħassba li din id-deċiżjoni tal-Qorti tidher li qed tgħid li m’hemm xejn fil-liġi li jżomm lill-partiti politiċi milli jisfruttaw il-libertà tal-espressjoni biex jużaw il-mezzi tagħhom biex jipprovaw isikktu lil min jikkritikahom.

Ma jistax ikun hemm dubju x’ried jagħmel l-Editur ta’ It-Torċa bl-istejjer li ppubblika dwar Pia Zammit. Meta wera ritratti tagħha liebsa kostum għar-rwol tagħha fil-kummiedja ‘Allo! ‘Allo!, reċta li ħadmet fiha xi ħdax-il sena qabel, ma kienx qed jagħmel xi apprezzament artistiku jew li skopra xi ħaġa ġdida mhux xierqa dwar Pia Zammit. Ried iżda li l-qarrejja tiegħu jiffurmaw l-opinjoni li persuna li kienet qed tipprotesta kontra l-gvern li t-Torċa tappoġġja, kienet Nażista jew ma kinitx tieħu bis-serjetà l-ħażen tan-Nażismu.

Bħala Repubblika aħna tassew sogħbiena naraw li l-Maġistrat Rachel Montebello llum ikkonkludiet li meta wieħed jieħu sehem bħala attur f’’Allo! Allo! dan ikun qed jagħmel xi ħaġa li “m’huwiex aċċettabbli u de minimis, huwa insensittiv”. Dan mhux biss apprezzament żbaljat tar-rwol tat-teatru f’soċjetà demokratika imma hu wkoll falliment grass t’apprezzament ta’ x’inhi ‘Allo! ‘Allo! Din hi kummiedja li mhix magħmula minn “ċajt assoċjat mas-simboli ta’ ġenoċidju u massakru uman”. Din hi kummiedja li tuża l-ironija, is-sarkażmu, ir-redikolu, u l-assurd biex iżżeblaħ u tikkritika lit-tirrannija Nażista mingħajr ma taħfrilha xejn għall-krudeltà u l-krimini tagħha.

Il-kummiedja, iċ-ċajt, u t-tmejjil mhumiex att ta’ superfiċjalità iżda arma li taqta’ f’idejn l-artist użata biex tagħmel, f’dan il-każ, stqarrija ċara li n-Nażismu u n-Nażisti ma ssib xejn fihom x’tammira. Hu għalhekk li ma nistgħux naqblu mal-Qorti li kien hemm xi “kontroversja”, “ironija” jew ħjiel ta’ inkonsistenza meta Pia Zammit eżerċitat il-professjoni tagħha ta’ attur meta irreċtat f’kummiedja li titmejjel bin-Nażisti u l-ħidma attiva ta’ Pia Zammit fil-komunità biex tiġġieled it-tirranija domestika tagħna. Anzi dawn iż-żewġ azzjonijiet jirriflettu karattru waħdieni u determinat li jiġġieled il-ħażin, il-kattiv, u l-abbużiv.

Il-Qorti llum setgħet użat l-argumenti li kieku kienu jintużaw biex tipproteġi d-dritt ta’ ġurnalist li jikkritika persuna f’ħajja pubblika. Iżda dawn l-argumenti ġew pervertiti biex il-Qorti ipproteġiet lir-reġim (u lill-propagandista li jaħdem għalih) mill-kritika ta’ artista u attivista.

Nifhmu li Pia Zammit qed tikkonsulta mal-avukati tagħha dwar il-passi li jmiss għaliha. F’dan il-waqt intennu s-solidarjetà tagħna ma’ Pia Zammit u d-determinazzjoni li ma nħallux l-intimidazzjoni tal-mezzi kkontrollati mill-gvern li jintimidawna u jsikktuna, anke meta dawn isibu l-wens tal-qrati.