Repubblika taqra bi tħassib u dieqa kif prim ministru u ministru tal-gvern marru vaganza mħallsa minn Yorgen Fenech. Dan fil-kuntest t’aħbarijiet li ħerġin qatra qatra ta’ ħbiberiji u pjaċiri inaċettabbli bejn politiċi u negozjanti kbar li jużaw rigali, privileġġi u kumplimenti biex joqorbu n-nies li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-pajjiż.

Qed jidher dejjem aktar ċar li teżisti kultura li dawn it-tip ta’ rigali u pjaċiri huma regolari u aspett aċċettabbli tal-mod kif għandu jitmexxa pajjiż. Għalina dan mhux aċċettabbli.

Li tħassibna l-aktar hi l-attitudni ta’ politiċi, partikolarment persuni li minħabba li huma fil-gvern qegħdin f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet korrotti li jiffavorixxu ‘l min jixtrihom, li jiddefendu din il-kultura jew jipprovaw jiġġustifikawha.

Illum qed naraw x’issarraf. Il-ħbiberija ta’ Joseph Muscat ma’ Yorgen Fenech hi l-atmosfera li fiha seħħ l-akbar att korrott fl-istorja riċenti ta’ Malta: l-Electrogas. Imbagħad il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li l-evidenza li nstemgħet s’issa tindika li seħħ biex jipprova jgħattih.

Qed naraw ukoll lil Yorgen Fenech iżomm fil-komma il-kumplimenti li taw il-familja tiegħu lil nies li jipprova jirrikatta biex jevita l-ġustizzja. Fil-fehma tagħna l-episodju dwar iż-żjara f’Tel Aviv ta’ Jason Azzopardi hu attentat ieħor ta’ rikatt li Jason Azzopardi messu evita li jesponi lilu nnifsu għalih. Hu ta’ soljev li dan ma sewiex ta’ intimidazzjoni għal Jason Azzopardi. Iżda meta naraw kemm hemm politiċi siekta dwar l-iskandlu tal-Electrogas u dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia (jekk mhux saħansitra alleati ta’ Yorgen Fenech), nitħassbu kemm flusu qed jintużaw biex jaħrab mill-ġustizzja.

Insellmu ‘l-ġurnalist Ivan Martin li rriffjuta l-ħlas biex jikteb b’mod li jiffavorixxi ‘l Yorgen Fenech. Intennu l-ammirazzjoni tagħna għall-kuraġġ tiegħu. Insellmu wkoll lil dawk il-ġurnalisti l-oħra li ma jaċċettawx li jkunu mixtrija u li għalihom il-ġurnalizmu mhux propoganda. Iżda ntennu wkoll it-tħassib li r-rigali u l-kumplimenti u l-flus imdemmijja mhux offruti biss lill-politiċi, iżda lil kull min hu vulnerabbli għall-korruzzjoni, jew għall-intimidazzjoni biex flok jaqdi dmiru jgħin lil Yorgen Fenech u lil kull min b’xi mod kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u fil-korruzzjoni li dak il-qtil prova jgħatti, jevitaw li jħallsu t’egħmilhom.

Ċar għalina li Malta hi maħkuma minn poteri oligarċiċi. Ċar għalina li ma nistgħux nistennew lil xi eroj foloz biex isalvawna mill-mandra li tefgħuna fiha. Iridu jkunu l-Maltin u l-Għawdxin kollha li jirbħu lura ‘l pajjiżhom.

Insejjħu lin-nies kollha ta’ rieda tajba, lill-politiċi li jridu jirrifjutaw kull dell ta’ influwenza korrotta, lill-partiti politiċi li lesti jsiru trasparenti fil-mod kif ikunu iffinanzjati, lill-ġurnalisti indipendenti, lill-pulizija nodfa, u ‘l-prosekuturi u ‘l-ġudikanti ta’ kuxjenza biex nieqfu ‘l-mafja u neqirduha.