Repubblika Tappoġġja 52 Vittma Ta’ Ksur Tad-Drittijiet Fundamentali Fil-Massakru Tal-Għid 2020

Repubblika qed tappoġġja 52 persuna f’kawża kostituzzjonali li nfetħet illum minn qraba ta’ tnejn mill-persuni li tħallew imutu bil-għatx jew jegħrqu f’operazzjoni “ta’ salvataġġ” ikkoordinata minn Malta f’April li għadda u fil-kawża ta’ 50 persuna li kienu fuq l-istess dgħajsa u b’ordni tal-gvern tgħabbew fuq dgħajsa mqabbda mill-gvern u ttieħdu f’kampijiet tal-konċentrament fil-Libja.

L-inċident seħħ ftit wara l-Għid meta għal ġranet sħaħ il-gvern ordna li dgħajjes b’immigranti abbord jitħallew mingħajr għajnuna minkejja li d-dgħajjes tagħhom ma kinux qed jiċċaqalqu u kienu qed jitolbu li jiġu salvati.

Ajruplan tal-FRONTEX ra d-dgħajsa ta’ dawn il-migranti fl-ibħra mgħassa minn Malta kmieni fil-għodu nhar il-11 ta’ April 2020. Kien ilhom fl-ilma mill-anqas 3 ijiem. Il-gvern Malti żamm lura l-patrol boats ekwipaġġati tal-armata ta’ Malta u wara ħafna dewmien bagħat dgħajsa tas-sajd Dar Al Salam 1 biex tiġborhom. Din kienet dgħajsa li telqet mill-Port il-Kbir u li waslet ħdejn il-migranti nhar l-14 ta’ April kmieni fil-għodu.

Sa dak il-ħin kienu mietu diversi migranti, fosthom Mogos Tesfamichael Welday u Filimon Mengsteab Ghebremedhin. Ħut dawn it-tnejn fetħu kawża kostituzzjonali llum kontra l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri, u l-Kap tal-Armata Jeffrey Curmi u talbu lill-qorti tiddikjara li Malta kisret id-dritt tal-ħajja ta’ ħuthom kif imħares mill-kostituzzjoni u mill-konvenzjoni Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem.

Intant il-ħamsin applikant l-oħra minn dawk li baqgħu ħajjin, tqiegħdu fuq id-dgħajsa tas-sajd u tħallew mingħajr ilma u ikel sakemm waslu Tripli. Kien hemm minn sħabhom li mietu fuq il-vjaġġ lura lejn Tripli fejn ma ngħatat ebda kura medika. Għax tqabbdet mill-gvern id-dgħajsa Dar Al Salam 1 kienet aġent tal-istat Malti li iżda ma kkunsidrax il-fatt li l-migranti kellhom ċertifikati tan-Nazzjonijiet Uniti li kienu qed ifittxu ażil. Hu obbligu ta’ Malta li skond il-liġijiet Ewropej irid jagħti opportunità lil kull min jasal Malta li jkollu l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil ikkunsidrata.

Meta waslu Tripli, il-migranti ttieħdu f’kampijiet tal-konċentrament fejn kienu arrestati illegalment u trattati b’mod inuman.

Ħamsin migrant talbu lill-qorti Maltija tiddikjara li Malta kisret l-obbligu kostituzzjonali li joħroġ ukoll mill-konvenzjoni Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem li Malta taħdem biex tipprevjeni t-tortura. L-applikanti talbu lill-qorti wkoll tiddikjara li Malta kisret l-obbligi tagħha taħt il-liġi Ewropea li tikkunsidra applikazzjonijiet t’ażil. Fil-fatt il-kawża tal-lum titlob lill-qorti tordna li Malta tħalli lil dawn il-ħamsin migrant jiġu Malta biex japplikaw għall-ażil.

L-avukat li qed jirrapreżenta ‘t-52 persuna li qed iressqu l-kawża kostituzzjonali llum hu Paul Borg Olivier.

Repubblika qed tħallas l-ispejjeż kollha tal-qorti f’din il-kawża. Donazzjonijiet ta’ persuni li jixtiequ jappoġġjaw dan l-isforz huma mitluba li jintbagħtu lil Repubblika fuq https://repubblika.org/donations/

Il-kawża qed issir fl-ismijiet ta’ Fthawi Tesfamichael Welday u Asfaha Letenugus Amelesom,  ħut il-mejtinMogos Tesfamichael Welday u Filimon Mengsteab Ghebremedhin.

Il-50 persuna l-oħra li qed jiftħu l-kawża wara li ntbagħtu lura l-Libja f’kampijiet ta’ konċentrament huma: 

  • l-Eritrej Yonas Rezene Gebremicel, Merhawi Germay Asgedom, Mogos Yohannes Mered, Haji Nesredin,Teklu Seum, Aliksander Germay Yemane, Takhlit Shesai Garamadin, Tsega Efrem Kebrom, Diana Mahari Areyya, Salam Mahari Tawledai, Rahwa Hakous Youhans, Welday Habte, Abiel Yohanes, Tarik Teweldbrhan, Wehabezgie Weldu, Efrem Habtu, Hamed Ker Mehamed Ker, Gyotom Mehrtab, Roha Gabri, Abdu Mahmud, Filmon Gebrezgabher, Yassin Adem, Medhani Fetsum, Yemani Gabremiskal,Mogos Fesahatsen, Ayoub Barakhtab, Marhoi Abrahim, Hainok Zaret, Saead Alaminy, Mekele Germay, Dejan Negos, Fatsu Makeyal, Merhawi Nagasi, Robil Fishaha, Sadal Hishi Kidano, Filimon Rezene,Walde Zorob, Hagus Yemani, Younatan Awagargesh, 
  • is-Sud-Sudaniżi John Gany Dar Jiech, Gai Riak Jith, Abraham Puok Deng, Chuol Nhial Jieng, Gatwech Ruot Nyachon, Karash Yasser Ibrahim, Wal Kuol Bok, Alisa Nyakuol, Maria Philter Gatkuos, Gaiek Gatkuoth Tang,
  • u s-Sudaniż Nourin Ahmed Adam minn Darfour.
Dan l-artiklu mhux disponibbli fil-lingwa Maltija. Tista’ taqrah bl-Ingliż hawn: