Repubblika hija diżgustata bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li Joseph Muscat ħallas ta’ għemilu għax ma baqax Prim Ministru.

Ir-raġunament tal-Prim Ministru Robert Abela jistona f’soċjetà demokratika.

L-ewwelnett meta xi ħadd jonqos, anke jekk ikun Prim Ministru, għandu jiġi investigat u jekk jinstab li jkun naqas għandu jitressaq quddiem il-ġustizzja biex jirrispondi għal egħmilu. B’hekk biss ikun ħallas ta’ għemilu; mhux billi jispiċċa mill-uffiċċju tiegħu u bħalissa qed jitħallas pakkett finanzjarju li l-Gvern ma jridx jgħid x’fih.

It-tieni, f’soċjetà demokratika, il-poter huwa servizz u mhux privileġġ. Allura ma nistgħux nifhmu kif Robert Abela jiddikjara li Joseph Muscat ħallas ta’ għemilu għax spiċċa mill-poter.

Repubblika tistenna li l-Prim Ministru irabbi l-kuraġġ, jagħmel dmiru u ma jibqax jiddefendi lill-konsulent tiegħu Joseph Muscat.