F’din l-iStqarrija għall-iStampa:

  1. Sentenza li ngħatat dalgħodu mill-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) fir-Rikors Kostituzzjonali Repubblika vs L-Avukat tal-Istat;
  2. Ir-reazzjoni tal-President ta’ Repubblika Robert Aquilina għal din is-sentenza:

Għadna kif ġejna infurmati li fuq punt tekniku biss ma ntlaqgħux it-talbiet ta’ Repubblika mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex il-każ ta’ challenge tagħna kontra l-Kummissarju tal-Pulizija dwar il-kriminali tal-Bank Pilatus ma jinstemgħax mill-Maġistrat Nadine Lia.

Mingħajr ma daħlet fil-mertu tal-kwistjoni u f’ebda wieħed mill-argumenti li ġibna f’nota ta’ 118 paġna, il-Qorti sempliċement qalet li Repubblika m’għandhiex id-dritt tippretendi li jkollha smiegħ xieraq għaliex m’għandhiex victim status.

Skont din is-sentenza, il-liġi Maltija ma tagħtix dritt lis-soċjeta’ ċivili li tippretendi li jkollha fair hearing.

Dan l-intopp legali mhux ser jaqtgħalna qalbna. Ma’ intoppi legali ltqajna ħafna f’dawn l-aħħar ħames snin, iżda dejjem sibna mod kif naslu.

Kif uriet diġa’ f’diversi istanzi, il-Maġistrat Nadine Lia ma tistax tagħtina smiegħ xieraq fuq dan il-każ.

Qed nistudjaw is-sentenza ta’ dalgħodu biex nieħdu l-passi kollha li hemm bżonn biex ikollna smiegħ xieraq u titwettaq ġustizzja.

Nassigura lil kulħadd li aħna determinati li naslu. Mhux ser ikun intopp tekniku li jwaqqafna milli nnaddfu lil pajjiżna mill-korruzzjoni u l-abbuż.

Nirringrazzja lill-Avukat Jason Azzopardi għall-assistenza legali li jagħtina b’tant ħila u entużjażmu.