SE NIRREŻISTU R-RIGRESS FIS-SALTNA TAD-DRITT

Repubblika tikkundanna bil-qawwa t-theddia espliċita tal-Prim Ministru Robert Abela li jneħħi d-dritt taċ-ċittadini li jitolbu lil maġistrat jiġbor il-provi f’reati li l-pulizija kkontrollata mill-gvern ma tkunx trid tmiss b’idejha.

Robert Abela għamel din it-theddida b’reazzjoni għal applikazzjoni ta’ Jason Azzopardi biex issir inkjesta fuq allegata korruzzjoni mwettqa mill-Ministru għal Għawdex u martu. Li wieħed jitlob għal inkjesta mhux minnu għamla ta’ ħtija jew innoċenza. Lanqas l-inkjesta ma tiddeċiedi fuq il-ħtija u l-innoċenza. Lanqas deċiżjoni li tibda l-prosekuzzjoni mhi weħida determinazzjoni ta’ ħtija jew innoċenza.

Imma meta l-pulizija tinjora l-evidenza fid-dominju pubbliku, iċ-ċittadini għandhom id-dritt skont il-liġi jinsistu li maġistrat jiġbor il-provi. Il-gvern issa jrid ineħħi dan id-dritt.

Infakkru li mingħajr dan id-dritt ma kien ikun hemm qatt il-prosekuzzjoni ta’ Joseph Muscat fuq il-korruzzjoni fil-bejgħ tal-isptarijiet. Dan minbarra każijiet oħra importanti li l-pulizija kkontrollati mill-gvern injoraw.

It-theddida ta’ Robert Abela hi theddida ta’ backsliding tas-saltna tad-dritt li m’aħniex se nittolleraw u se nirreżistu bil-mezzi kollha tagħna.

Nappellaw liċ-ċittadini kollha ta’ rieda tajba li jagħtu tweġiba lill-prim ministru għal din it-theddida.