Robert Abela qed ipattiha lill-ġudikanti u qed jipprova jiskreditahom minħabba d-deċiżjonijiet li qed jieħdu u li qed joħolqulu problemi kbar. Hu għalhekk li Robert Abela qed jigdeb bl-aktar mod sfaċċat meta qed iwaħħal fl-imħallfin li qed jisimgħu l-appell tal-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia għall-fatt li l-gvern ta’ Robert Abela ħalla ‘l George Degiorgio jmur jixxala u jiddandan fuq Facebook.

Hu minnu dak li qal Robert Abela li d-deċiżjoni li George Degiorgio jitħalla joħroġ mill-ħabs uriet insensittività mal-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia u mal-pajjiż kollu. Mhux minnu iżda li din kienet xi ordni tal-qrati. Il-liġi hi ċara: jgħid x’jgħid ħaddieħor, id-deċiżjoni jekk priġunier jitħalliex joħroġ joħodha biss u waħdu d-Direttur tal-Ħabs, uffiċjal tal-gvern li hu maħtur minn u jwieġeb lil Robert Abela u ‘l-ministri tiegħu.

L-ebda imħallef u l-ebda ordni ta’ xi qorti ma ordnat li George Degiorgio jitħalla joħroġ. Il-fatt li l-qrati ħallew f’idejn id-Direttur tal-Ħabs biex jiddeċiedi hu ma jfissirx li ddeċidew għalih iżda jfisser li fakkruh li l-liġi tgħid li hu xogħolu u xogħolu biss jiddeċiedi x’jagħmlu l-priġunieri tiegħu.

L-ordni biex George Degiorgio joħroġ jixxala ħariġha uffiċjal tal-gvern taħt l-awtorità ta’ Robert Abela. Jekk Robert Abela ma qabilx ma’ din id-deċiżjoni kellu jkollu d-diċenza bażika li jitlob skuża għal deċiżjoni li kellu l-poter u r-responsabbiltà jwaqqaf, lill-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia u jordna li tali deċiżjoni ma tittenniex. Minflok, bħat-tfal, Robert Abela waħħal il-ħtija tiegħu mal-imħallfin, li m’għandhomx x’jaqsmu u konvenzjonalment ma jirribattux pubblikament meta xi ħadd jigdeb fuqhom.

Din ta’ Robert Abela mhix biss imġieba infantili u redikola. Bħal m’għamel qabel, Robert Abela reġa’ attakka ‘l-ġudikatura u pprova jimmobilizza r-rabja ġustifikata tal-pubbliku għall-għemil ħażin tal-gvern tiegħu kontra l-imħallfin. Dan biex jiskreditahom għax qed jaqtgħu sentenzi kontra l-gvern.

Fl-aħħar attakk ta’ Robert Abela kontra l-ġudikatura qabel dan, kien hemm min sejjaħ il-kritika tagħna bħala “maltempata f’kikkra té”. Nittamaw li issa li qed jaraw dawn l-attakki jiħraxu u lil Robert Abela lest jigdeb fuq l-imħallfin biex jieħu raġun li mhux tiegħu, kulħadd jirrealizza li biex niddefendu d-demokrazija f’pajjiżna irridu lkoll niddefendu l-indipendenza tal-ġudikatura.